• President ġdid għal Moviment ta’ Kana

  • L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dr Joe Cassar bħala l‑President tal‑Moviment ta’ Kana. Huwa ħa post Dr Arthur Galea Salomone li kien ilu tmien snin fil‑kariga.

    Il‑Moviment ta’ Kana huwa għaqda mhux governattiva tal‑Knisja f’Malta li ilu jaħdem mal‑familji għal dawn l‑aħħar 68 sena. Fost is‑servizzi li joffri hemm il‑korsijiet ta’ tħejjija għaż‑żwieġ, il‑formazzjoni lill‑koppji u lill‑familji, counselling għall‑persuni kollha li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet personali u familjari, kif ukoll ħidma mill‑qrib mal‑parroċċi.

    Dr Joe Cassar huwa konsulent psikjatra li ggradwa bħala tabib mill‑Università ta’ Malta u kompla l‑istudji tiegħu fil‑psikjatrija fl‑Università ta’ Yale fl‑Istati Uniti. Huwa wkoll senior lecturer fl‑Università ta’ Malta u jmexxi s‑servizz ta’ emergency psychiatry fl‑Isptar Mater Dei.

    Huwa jaħdem fil‑qasam tas‑saħħa mentali tat‑tfal u ż‑żgħażagħ kif ukoll ma’ familji f’diffikultà. Dr Joe Cassar huwa wkoll membru tal‑Moviment tal‑Fokolarini. Huwa miżżewweġ lil Anna Maria u għandhom żewġt itfal, Fabrizia u Rebecca.








comments powered byDisqus