











Il-Laqgħa mal-Kappillan
Bħala parti mil-mixja fit-tħejjija għaż-żwieġ hemm il-laqgħa personali mal-kappillan. Dan popolarment nafuh bħala l-eżami taż-żwieġ, pero’ dan mhux eżami kif nifhmuh is-soltu. Dan hu mument fejn l-għarus u l-għarusa jiltaqgħu ndividwalment mal-kappillan rispettiv tagħhom. Xi għarajjes jaħbtu jitħassbu u jinkwetaw dwar din il-laqgħa. Din m’hijiex laqgħa burokratika iżda hija laqgħa ta’ natura pastorali fejn bl-onestà u s-sinċerità kollha jiġi aċċertat li m’hemm xejn li jimpedixxi l-validità taċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ.
Il-laqgħa mal-kappillan tikkonsisti f’erbgħa partijiet. Bejn wieħed u ieħor hu ser jistaqsi u ser titkellmu flimkien fuq it-temi msemmija hawn isfel. M’hemmx għalfejn ngħidu, wieħed għandu jkun sinċier u onest biex jekk hemm xi diffikulta’ nindirizzawha mill-ewwel. Ċerti problemi jekk ma nieħdux ħsiebhom minn qabel, imorru għall-agħar wara ż-żwieġ.
I. Dettalji Personali
a. Isem, indirizz, eċċ.
b. Jekk kontx tgħix barra minn Malta. Għal x’hiex? Minħabba studju, xogħol, żmien għand qrabatek, eċċ?
c. Jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-Isqof. X’ifisser l-għixien tal-fidi nisranija għalik llum?
II. Il-ħajja l-imgħoddija tiegħek
a. Jekk kontx miżżewweġ qabel. Jekk għandekx l-annullament mit-Tribunal Ekkleżjastiku. X’tgħallimt minnha? Jekk għandekx xi vetitum/projbizzjoni milli tiżżewweġ. Dan jista’ jiġi mneħħi mill-Vigarju Ġenerali wara li jaċċerta ruhu, bl-għajnuna ta’ esperti, li l-problema issa ntemmet.
b. Jekk għandekx diġa t-tfal.
c. Jekk tieħux droga/tixrobx. Jekk waqaftx. Dan qed jingħad għax id-dipendenza fuq dawn is-sustanzi taf taffetwa serjament il-kapaċita’ mentali ta’ min irid jiżżewweġ. Din taf taffettwa l-kapaċita’ li wieħed jagħraf x’responsabilta’ dieħel għaliha.
d. Jekk hemmx xi vizzji/dipendenzi oħra, per eż. logħob tal-ażżard, użu ħazin tal-internet , eċċ.
e. Jekk kontx jew intix taħt kura psikjatrika. Dan qed nistaqsuh għax ċerti tip ta’ mard mentali ma jħallix li jkun hemm għaqda sħiħa ta’ mħabba u fiduċja bejn ir-raġel u l-mara. Il-kappillan, jekk iħoss il-ħtieġa, jista’ jitlob ċertifikat li din id-diffikulta’ ġiet mirbuħa/kkontrollata biex b’hekk tkun tista’ tiżżewweġ.
f. Jekk sofrejtx minn xi forma ta’ abbuż fit-trobbija tiegħek; fiżiku, mentali, sesswali eċċ. Dan jista’ jkollu effetti devastanti fuq il-ħajja tal-koppja.
III. Il-ħajja preżenti tiegħek
a. Kemm ilkom tafu lil xulxin bil-ħsieb għaż-żwieġ? L-għerusija għenitkom fit-tħejjija għaż-żwieġ?
b. Taf x’inhuma l-preġji u d-difetti ta’ xulxin?
c. Taf jekk hemmx xi mpediment/ostaklu għaż-żwieġ? Xi mpedimenti huma:
• Jekk intix taħt l-eta’ tas-16; min hu taħt it-18 għandu bżonn il-kunsens tal-ġenituri;
• Jekk hemmx xi relazzjoni naturali jew legali bejnietkom. L-impediment qiegħed li żwieġ ma jistax isir bejn żewġt aħwa u lanqas bejn primi kugini, u wkoll bejn ġenituri u wliedhom jew nanniet u wlied uliedhom, jew bejn zijiet u neputijiet. Lanqas aħwa adottivi ma jistgħu jiżżewġu u lanqas ġenituri mal-ulied adottivi tagħhom;
• Jekk intix impotenti, i.e. jekk intix kapaċi tagħmel l-att taż-żwieġ. Tajjeb niftakru li l-isterilita’ ma tirrendix iż-żwieġ null, iżda l-impotenza.
• Jekk intix marbut bi żwieġ ieħor;
• Jekk intix marbut b’xi voti reliġjużi jew bl-ordni sagri;
• Żwieġ bejn persuna mgħammda u l-oħra le, ma jistax isir ħlief bid-dispensa.
d. Jekk intix imġiegħel tiżżewweġ/intix qed tiżżewweġ minn rajk, b’mod ħieles.
e. Jekk hux qed tagħmel xi kundizzjoni jew riserva dwar il-kunsens tiegħek. Per eżempju, jien niżżewġek jekk issir tabib, jew jekk missierek jagħtina t-tali somma ta’ flus. Tajjeb niftakru li wieħed meta jiżżewweġ m’għandu jagħmel ebda kundizzjoni.
IV. Il-ħajja futura tiegħek bħala miżżewweġ/miżżewġa.
a. Għaliex ser tiżżewweġ bis-sagrament? Xi jfisser għalik? X’differenza hemm bejn żwieġ ċivili u dak reliġjuż?
b. Taf li ż-żwieġ nisrani jitlob il-fedelta’? Xi tfisser għalik?
c. Taf li ż-żwieġ nisrani huwa xirka ta’ mħabba li ma tintemm qatt jekk mhux bil-mewt? X’jiġifieri tħobb għal dejjem?
d. Taf li ż-żwieġ nisrani għandu jwassal għall-ġid u l-għajnuna tal-miżżewġin għal xulxin? X’jiġifieri meta nitkellmu minn patt ta’ mħabba?
e. Taf li ż-żwieġ hu miftuħ għat-tnissil u għall-edukazzjoni tal-ulied? U jekk it-tfal ma jiġux?
f. Jekk tifhimx u tridx li tkun il-Knisja biss li tiġġudika dwar ir-rabta taż-żwieġ tagħkom. L-insara, jekk għandhom dubju fuq iż-żwieġ tagħhom ma jistgħux imorru għand l-istat biex jiġġudika ż-żwieġ tagħhom, għax dan għandu valuri differenti minn tan-nisrani, iżda jħallu f’idejn il-Knisja. La annullament ċivili u lanqas divorzju ma jistgħu jħollu żwieġ validu.
g. X’ser tagħmel int biex iż-żwieġ tagħkom jibqa’ ħaj, sabiħ u nisrani?
Prattikament, dawn huma l-mistoqsijiet/il-punti li ser tiddiskutu flimkien mal-kappillan rispettiv tagħkom. Huwa xorta jibqa’ liberu li jistaqsi affarijiet oħra. Pero’ żgur li hu mument sabiħ li għandu jgħinkom fit-triq tagħkom lejn iż-żwieġ. Huwa mument offrut lilna mill-Knisja bl-iskop li jservi ta’ għajnuna biex jekk hemm xi punti li wieħed jixtieq jaħdem fuqhom ikun jista’ jarahom mal-kappillan.
Awguri!
comments powered byDisqus