• Laqgħa 7 - Is-Sagrament taż-Żwieġ

  • Iż-żwieġ fil-Knisja jmur ferm lil hinn mid-drittijiet u l-obbligazzjonijiet soltu assoċjatimaż-żwieġ ċivili. Huwa sejħa għal patt ta’ mħabba, imħabba li ma tistax tiġi nnegozjata bħal kull kuntratt ieħor. Huwa vokazzjoni, li għaliha huma msejħa r-raġel u l-mara. Għalhekk, il-koppja hija msejħa biex tgħix ħajja sagramentali li tirrifletti dik ta’ Ġesu’ Kristu.
     
    Hemm żewġ raġunijiet prinċipali għaliex il-koppja għandha bżonn is-sagrament biex tiżżewweġ. L-ewwel nett, fuq livell personali għandhom bżonn is-sagrament biex isostnihom iżommu l-wegħda li għamlu lil xulxin – dik li jgħixu żwieġ ta’ mħabba għal xulxin. It-tieni nett, għandhom bżonnu fuq livell soċjali biex permezz tagħhom tkun preżenti l-imħabba ta’ Alla fid-dinja.
     
    Għalhekk:

    • Waqt il-quddiesa, x’jiġri ezatt meta l-għarajjes jiskambjaw il-wegħda tagħhom quddiem is-saċerdot, il-familja, il-ħbieb u l-kommunita’?
    • Lil min qed jgħamlu l-wegħda tagħhom biex joħolqu għaqda mill-qrib, personali, permanenti, fidila u li tagħti l-frott?

    X’nifhmu meta ngħidu sagrament?

    Qabel ma nitkellmu minn żwieġ sagrament, tajjeb li l-għarajjes ikunu jafu x’inhu sagrament u li jsibu ħin jiddiskutu bejniethom x’jifhmu bil-kelma sagrament.

    1. Is-Sagrament huwa sinjal sensibbli u effikaċi tal-grazzja, imwaqqaf minn Kristu u fdat lill-Knisja, li bih tingħatalna l-ħajja ta’ Alla. Fiż-żwieġ is-sinjal viżibbli huwa l-koppja stess u l-imħabba tagħhom għal xulxin. Fis-sagramenti l-oħra kollha, huwa s-saċerdot il-ministru tas-sagrament (eż. iferra l-ilma fuq ras it-tarbija fil-magħmudija). Fiż-żwieġ dan mhux il-każ. Huma l-għarajjes il-ministri tas-sagrament, li jamministraw is-sagrament taż-żwieġ lil xulxin. Is-saċerdot huwa biss ix-xhud uffiċċjali ta’ Kristu li jbierek l-għaqda ta’ bejnietom.
    2. Is-sagrament huwa sinjal effikaċi. Dan ifisser li mhuwiex biss simbolu, imma jilħaq l-għan ta’ dak li jissinjifika. Fiż-żwieġ il-koppja titħabat kuljum biex tgħix ħajja bi stil sagramentali, anki fl-aktar affarijiet ordinarji tal-ħajja – ix-xogħol tad-dar, il-ħarsien tal-ulied. Għandhom jgħixu bħal Kristu b’kompassjoni, iħallu lok għall-maħfra, joffru ruhhom lil xulxin bi spirtu ta’ servizz u fl-intimità.
    3. Is-sagrament ixerred il-grazzja, rigal, li għalkemm m’aħniex denji għalih, Alla jtih lil poplu tiegħu b’xejn biex il-bniedem ikun jista’ jwieġeb għall-vokazzjoni tiegħu. Fiż-żwieġ il-koppja huma mbierka bl-għajnuna kollha li għandhom bżonn mingħand Alla biex ikunu jistgħu jgħixu l-wegħda li jagħmlu f’riġlejn l-artal.

    Il-kunsens

    Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (1626-1627) jgħid li l-Knisja żżomm li l-kunsens bejn l-għarajjes huwa element indispensabbli li jsawwar żwieġ. Il-kunsens jikkonsisti f’att uman li bih l-għarajjes jirreċiprokaw l-għotja tagħhom infushom lil xulxin. Dan il-kunsens, li jgħaqqad l-għarajjes flimkien, isib il-milja tiegħu meta t-tnejn isiru ġisem wieħed.

    Il-kelmiet “Iva, irrid” huma manifestazzjoni esterna ta’ deċiżjoni nterna li qed naċċettaw lil xulxin bħala r-raġel u l-mara ta’ xulxin fiż-żwieġ. Din id-deċiżjoni nterna għandha tittieħed b’mod liberu, mhux għax imġiegħla, u indipendentament minn kull ċirkustanza oħra li l-għarajjes jistgħu ikunu fiha (eżempju tqala qabel iż-żwieġ).

    Il-kunsens fih tliet partijiet prinċipali:

    i. Is-saċerdot isaqsi tliet mistoqsijiet:  dwar jekk ġewx minn jeddhom; humiex lesti biex iħobbu ‘l xulxin tul ħajjitom kollha; u jekk humiex lesti jilqgħu l-ulied.
    ii. Il-kliem propju tal-kunsens (din hija l-aktar parti mportanti tar-rit). L-għarajjes iżommu idhom il-leminija f’ta’ xulxin u jgħidu l-kunsens tagħhom. La darba l-għarajjes ilissnu l-kunsens, iseħħ dak li jkun qed jingħad. F’Malta, ir-rit taż-żwieġ jgħid “Jiena nieħu lilek ...”. Il-forma Taljana, kif ukoll il-forma Irlandiża, tgħid “Jien nirċievi lilek ...”. Dawn jirriflettu ħafna aktar it-tifsira ta’ rigal, milli l-kunċett li l-għarajjes qed jieħdu pusses ta’ xulxin. Permezz tal-kunsens, l-għarajjes iwiegħdu wkoll li se jkunu fidili lejn xulxin, mhux biss fuq il-livell fiżiku izda wkoll fil-ħsieb u l-kliem.
    iii. il-bdil taċ-ċrieket taż-żwieġ – iċ-ċrieket huma hemm biex kontinwament ifakkruna fil-kliem solenni li lissinna quddiem l-artal dak il-ħin tal-kunsens.

    Il-mument tal-kunsens huwa l-aktar mument importanti fil-liturġija taż-żwieġ. Waqra t-talba tal-Missierna, insibu mument ieħor importanti: il-koppja jinżlu għarkubtejhom u s-saċerdot jestendi jdejh fuqhom filwaqt li jitlob lill-Ispirtu s-Santu biex iseddaqhom u jgħaqqadhom f’ruħ waħda, ġisem wieħed u qalb waħda.

    Iż-żwieġ bħala patt

    B’risposta għall-kultura tal-persuna, l-individwaliżmu, il-Konċilju Vatikan II introduċa l-ħsieb li ż-żwieġ huwa patt. Il-mudell li joffrilna l-Konċilju Vatikan II jippreżentalna patt li permezz tiegħu il-koppja tarrikkixxi lil xulxin, u mhux biss wieħed li jwassal għall-prokreazzjoni tal-ulied. Skond Gaudium et Spes, iż-żwieġ huwa sejħa (vokazzjoni), li titlob mill-koppja esklussività, permanenza, intimità u mħabba. Dan ifisser li l-koppja hija msejħa biex il-ħin kollu tikber fil-komunjoni ta’ bejnietom, billi tibqa’ fidila lejn il-wegħda li permezz tagħha saru għotja għal xulxin. L-għaqda tagħhom mhijiex biss għaqda fiżika, iżda wkoll għaqda spiritwali ta’ żewġ erwieħ.
    Hawnhekk joħorġu żewġ dimensjonijiet taż-żwieġ: l-UNITÀ u l-INDISSOLUBLITÀ. L-unità fiż-żwieġ tfisser li l-patt huwa stabbilit bejn raġel wieħed u mara waħda. L-ebda parti minnhom ma’ tista’ tiżżewweġ lil ħaddieħor waqt li huma miżżewwġa lil xulxin. L-indossubilità ifisser li r-rabta tas-sagrament taż-żwieġ ma’ tistax tinħall ħlief bil-mewt ta’ xi ħadd mill-koppja.

    Il-kelma ‘patt’ tiddefinixxi ż-żwieġ bħala realtà interpersonali, mhux biss bħala waħda esklussivament legali. B’hekk iż-żwieġ isir riflessjoni tat-tradizzjoni Biblika tal-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu (It-Testment il-Qadim – ara l-profeta Hosea) u tal-patt bejn Kristu u l-Knisja (It-Testment – ara l-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin). Iż-żwieġ bħala patt huwa xhieda tal-imħabba fidila u dejjiema bejn Kristu u l-Knisja tiegħu.

    Il-koppja għarajjes li tiddeċiedi li tiżżewweġ fil-Knisja għandna tkun konxja li ż-żwieġ tagħha huwa ferm differenti minn ta’ dik il-koppja li tagħżel iż-żwieġ ċivili. Bi Kristu fiż-żwieġ tagħhom, dik il-koppja tkun mibdula fl-imħabba ta’ Kristu u l-għaqda tagħhom issir sħiħa u perfetta. Is-sagrament huwa speċi ta’ ‘valur-miżjud’ ta’ grazzja fuq iż-żwieġ ċivili.

    Id-Divorzju, is-Separazzjoni, l-Annullament

    Fid-dawl tal-viżjoni li ż-żwieġ huwa patt, l-għarajjes Insara ma’ jistgħux jikkunsidraw id-divorzju bħala għażla (is-separazzjoni u l-annullament huma aċċettati mill-Knisja u jistgħu jiġu kkunsidrati jekk iċ-ċirkostanzi tal-ħajja miżżewġa jsiru diffiċli ħafna). Minkejja dan, iż-żwieġ Nisrani ma jistax jeżisti f’iżolament mis-soċjetà fejn tgħix il-familja. Biex napprezzaw b’mod sħiħ il-mod kif il-Kattoliċi għandhom jgħixu ż-żwieġ tagħhom, jeħtieġ li l-ewwel nifhmu sew dawn it-tliet termini x’ifissru.

    • Divorzju – meta ż-żwieġ jiġi xolt legalment u ż-żewġ partijiet huma liberi li jerġgħu jiżżewġu ċivilment. Ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu fil-Knisja.
    • Separazzjoni – meta l-partijiet fil-koppja jingħataw permess bil-Liġi biex jgħixu separati minn xulxin; iżda ma jistgħux jerġgħu jiżżewġu, la ċivilment u lanqas fil-Knisja.
    • Annullament – kemm żwieġ ċivili kif ukoll żwieġ fil-knsija jista’ jiġi ddikjarat null. Iż-żwieġ ċivili jiġi ddikkjarat null mill-Qorti Civili, filwaqt li ż-żwieġ fil-Knisja jiġi ddikjarat null mit-Tribunal Ekklesjastiku. La darba s-sentenza mogħtija mit-Tribunal Ekklesjastiku tkun rikonoxxuta mill-Qorti Civili, iż-żewġ partijiet tal-koppja jistgħu jerġgħu jiżżewġu, kemm ċivilment kif ukoll fil-Knisja.

    Għalkemm il-Knisja tempatizza ma’ dawk il-koppji li qed isofru u tesprimi kompassjoni lejn sitwazzjonijiet fejn b’riżultat ta’ divorzju il-persuna terġa’ tiżżewweġ mill-ġdid, il-Knsija tibqa’ fidila għall-verità kif mgħoddija u mgħallma lilha minn Ġesù Kristu. Din il-fedeltà lejn il-verità hija l-għola espressjoni ta’ kura u tħassib li l-Knisja għandha għall-bniedem. Li tiċħad il-verità mhix kompassjoni, anke meta l-verità hija iebsa biex taċċettaha. Għalhekk li tgħallem il-verità lil dawk divorzjati u miżżewġa mill-ġdid, huwa att veru ta’ kompassjoni u mħabba li l-Knisja għandha għalihom.

    Iż-żwieġ bħala vokazzjoni

    Bħala vokazzjoni, iż-żwieġ kien maħluq minn Alla mill-bidu nett tal-ħolqien, meta Alla ħoloq il-bniedem bħala raġel u mara. Kif insibu miktub fil-Ktieb tal-Ġenesi, meta Alla ra li ma kienx sew li r-raġel jibqa’ waħdu, Alla ħoloq sieħba għalih, il-mara. Kif fil-pjan ta’ Alla li r-raġel u l-mara joffru akkumpanjament lil xulxin, billi jfittxu dak hu ta’ ġid għal xulxin. Mill-bidu nett Alla ħoloq ir-rabta taż-żwieġ u kien Kristu li għolla din ir-rabta għal stat ġdid sopranaturali bħala Sagrament. Għalhekk huwa Alla li jagħti l-vokazzjoni taż-żwieġ lir-raġel u l-mara.

    Għal sekli sħaħ, it-tradizzjoni tal-Knisja identifikat is-saċerdozju u l-ħajja kkonsagrata bħala dak il-mezz li bih il-bniedem ifittex li jilħaq il-qdusija. Kemm fuq livell uffiċċjali, kif ukoll fuq livell teoretiku, il-Konċilju Vatikan II reġġa’ lura dal-ħsieb u sostna li kull persuna mgħammda, hu x’inhu l-istat tal-ħajja tagħha, hija msejħa għat-twettieq tal-qdusija, li hi l-perfezzjoni tal-imħabba. Infatti mill-Konċilju ‘l hawn, il-parti l-kbira tat-teoloġi Kattoliċi u d-dokumenti tal-Knisja eżaltaw is-sagramentalità u l-ispiritwalità tal-ħajja miżżewġa, fid-dawl li hija vokazzjoni divina (sejħa minn Alla). Fil-verità, iż-żwieġ Nisrani huwa vokazzjoni divina li la hi superjuri u lanqas inferjuri għal stati oħra ta’ ħajja ta’ vokazzjoni Nisranija.

    Fi kliem ieħor, il-kattoliku miżżewweġ huwa msejjaħ għal xejn anqas milli jgħix skond ix-xhieda radikali li jtina Ġesù nnifsu, dik li jibni l-familja tiegħu fuq il-mudell tal-familja mqaddsa ta’ Nażżaret. Bl-għixien tal-mandat tal-evanġelju u fit-twettieq tal-obbligazzjonijiet tagħhom konjugali u familjari, il-miżżewġin jiġu “mimlijin bl-ispirtu ta' Kristu li bih ħajjithom kollha timtela bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba ... huma jersqu dejjem aktar lejn il-perfezzjoni tagħhom u t-tqaddis ta' xulxin”.  (Gaudium et Spes, 48). Xi modi ta’ kif il-Kattoliku jista’ jgħix dan huma dawn li ġejjin, ilkoll kwalitajiet Kristoloġiċi (ta’ Kristu), li għandna nimitaw:

    • It-Talb – huwa mportanti li nistabilixxu intimità spiritwali fil-koppja billi ta’ kuljum nieqfu u nitolbu fil-preżenza ta’ xulxin, u għal xulxin. Hija idea tajba li jkollna rokna tat-talb fid-dar tagħna, li permezz tal-preżenza tagħha tinkoraġġina biex insibu ħin għat-talb. Il-quddiesa tal-Ħadd u s-Sagramenti jikkonsolidaw il-ħajja spiritwali tagħna.
    • Kompassjoni – din hija l-abbiltà li nakkumpanjaw lil xulxin, nifhmu lil xulxin, u naqsmu l-ferħ u n-niket, il-provi u t-tbatijiet, permezz tal-imħabba.
    • Il-Maħfra u r-Rikonċiljazzjoni – minkejja l-intenzjonijiet tajba tagħhom, il-miżżewġin spiss iweġġgħu lil xulxin. Huwa għalhekk importanti li nistqarru li jiddispjaċina ta’ dak li għidna jew għamilna u li nitoblu maħfra. La darba tingħata u tiġi aċċettata l-maħfra, il-miżżewġin għandhom jagħtu żmien biex il-ferita tfieq.
    • Is-Servizz – li persuna tkun miżżewġa tajba jfisser li hija lesta tkun ta’ servizz għall-parti l-oħra fiż-żwieġ u għall-familja; li tkun lesta tagħti aktar milli tirċievi. Ħafna drabi l-miżżewġin huma msejħa jissagrifikaw ix-xewqat personali tagħhom biex jagħtu attenzjoni għall-bżonnijiet li għandhom il-membri l-oħra fil-familja.
    • It-Tbatija – il-grazzja tas-Sagrament tgħin lill-koppja tirbaħ il-provi tal-ħajja li ħin jew ieħor iseħħu fil-familja. Is-Sagrament jgħin lill-persuna tmur għaliha nfisha biex tagħti ħajjitha għall-koppja. Jgħin ukoll lill-koppja tegħleb l-egoiżmu biex issir aktar ġeneruża lejn xulxin. (Ġwanni 12, 24-25 : “Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa' weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f'din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta' dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ.”).

    Nieħdu deċiżjonijiet morali tajba

    Fil-mixja tal-ħajja miżżewġa, il-koppja se tkun imsejħa tieħu deċiżjonijiet li mhux dejjem ikunu faċli. Ħafna drabi se jkunu kkonfrontati b’deċiżjonijiet li għandhom implikazzjonijiet morali. Diġa f’din is-sensiela ta’ artikli rajna wħud minn dawn id-deċiżjonijiet (bħad-deċiżjoni li nkunu ġenituri), iżda dawn mhumiex l-unika tip ta’ deċiżjoni li l-koppja tieħu. Hemm oħrajn, bħalma huma:

    • Il-kura ta’ ġenitrui anzjani li ma jistgħux jibqgħu jgħixu weħidom;
    • Li nidħlu jew ma nidlux f’dejn;
    • Bdil tal-impjieg li jista’ wkoll jitlob it-traslokament tal-familja sħiħa (xogħol barra l-pajjiż);
    • Il-benesseri ta’ membru fil-familja li għandu bżonnijiet speċjali jew mard.

    Deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu joħolqu tensjoni bejn is-sentimenti u r-responsabbiltajiet personali , fil-fehim tat-tagħlim u l-prinċipji tal-Knisja. Huma deċiżjonijiet li ma’ nieħdux b’mod ħafif, iżda deċiżjonijiet li jirrikjedu riflessjoni, diskussjoni, riċerka, talb u ħin. Il-proċess ideali huwa dan:

    • L-ewwel, sibu ħin għat-talb għas-sitwazzjoni li tinsabu fiha, u itolbu għall-gwida tal-Ispirtu s-Santu.
    • Imiss wara l-fażi tad-dixxerniment, fejn tiġbru l-fatti kollha u tarawhom b’mod oġġetiv. Filwaqt li kull deċiżjoni morali hija kwistjoni ta’ kuxjenza, wieħed għandu r-responsabbiltà li jifforma l-kuxjenza tiegħu korrettament, billi jfittex jimxi skond ir-rieda ta’ Alla u b’umiltà jaċċettaha u jobdiha.
    • Meta nkunu għaddejna minn dan il-proċess ta’ talb u dixxerniment, l-għażla li għandna nagħmlu tkun aktar ċara; il-koppja għandna tiddiskuti b’mod apert u sinċier, għax wara kollox iridu jgħixu skond id-deċiżjoni li jieħdu, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu. Dan il-proċess jista’ jieħu x-xhur u anke aktar. Jista’ jagħti l-każ li l-koppja tikkonsulta għall-għajnuna ma’ saċerdot jew persuna oħra professjonali biex jilħqu ftehim.

    Talba
    (filwaqt li l-għarajjes iżommu id xulxin)
    “Fil-preżenza ta’ Alla nieħu idek f’idi, u nwegħdek li ntik dak li jien u dak li rrid insir fil-futur. Għax irrid li l-imħabba tagħna tikber biex tkun riflessjoni ta’ l-imħabba ta’ Alla, irrid nistinka biex inkun onest u sinċier miegħek, li naqsam miegħek is-sigrieti kollha ta’ qalbi. B’libertà u għax irrid, nagħżel lilek fuq kulħadd u nservik għax inti r-rigal speċjali ta’ Alla lili.  Inwegħdek li nkun sensittiv għalik, li nħoss għalik, li nkun l-għarus/a tiegħek u li lest/a li naħfirlek meta jqum kunflitt bejnietna. Għal ħajjitna nwegħdek li tkun maġenbek f’fedeltà sħiħa. Biex fil-jum li fih niċċelebraw is-Sagrament taż-Żwieġ tagħna, dawn il-wegħdiet isiru sinjal tal-għotja sħiħa, permanenti u esklussiva tiegħi lilek. Ammen.”








comments powered byDisqus