• Laqgħa 9 - Fil-Ħajja ta' Kuljum

  • L-għan ta’ din il-laqgħa hu biex l-għarajjes jagħrfu jsawru l-ħajja taż-żwieġ tagħhom fuq is-Sagrament tal-Ewkaristija, il-Quddiesa. Hija ntenzjonata wkoll biex jagħrfu japprezzaw aktar iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa u biex ikunu mħeġġa jerġgħu jibdew jew ikomplu jipparteċipaw fil-quddiesa aktar spiss, billi jagħmlu paragun bejn il-ħajja ta’ kuljum u ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fuq il-linji gwida li ser naraw.

    L-Ewkaristija hija l-mudell li fuqu għandna nibnu l-ħajja miżżewwġa. Hemm ħafna żwiġijiet hienja, u hemm ukoll oħrajn li joffru sfida. Iżda ħafna ma jafux li hemm ukoll żwiġijiet qaddisa. Fil-fat insibu diġa żewġ koppji li ġew ibbeatifikati mill-Knisja: Luigi u Maria Corsini Beltrame Quattrocchi (Taljani) u Louis u Zelie Martin (Franċiżi). Skond il-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin il-Kardinal Jose Saraiva Martins, “kien impossibbli li tibbeatifikahom individwalment; tant għexu l-qdusija tagħhom bħala koppja”.

    Il-quddiesa tgħin lill-koppja tgħix il-ħajja tagħha fuq il-mudell tat-Trinita’ Qaddisa:

    • Li jkunu ta’ support għal xulxin, l-istess kif inhu Alla l-Missier għalina;
    • Li jkunu ta’ fejqan għal xulxin, l-istess kif ifejjaq lilna Ġesu’ Kristu;
    • Li jikbru fl-imġabba tagħhom għal xulxin, bl-għajnuna u l-interċessjoni tal-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja.

    Kemm hi mportanti l-quddiesa għalik?

    • Il-quddiesa tibda’ fit-triq, aħna u sejrin lejn il-Knisja, billi nagħrfu ma’ min ser niltaqgħu, ma’ min ser nitkellmu, lil min ser nirċievu;
    • Fil-quddiesa aħna ser niltaqgħu ma’ Alla. Ser nisimgħu lil Alla. Ser nitkellmu ma’ Alla.
    • Wara li tispiċċa l-quddiesa fil-knisja, tibda’ l-quddiesa fil-ħajja ta’ kuljum.
     
    Ir-rit tal-quddiesa fih sitt taqsimiet. Kull taqsima tikkorrespondi direttament ma’ settur fil-ħajja miżżewġa ta’ kuljum.

    1. Att Penitenzjali – b’indiema nitolbu lil Mulej għal maħfra u l-fejqan għan-nuqqasijiet tagħna bil-ħsieb, bil-kliem u bil-għemil.
    Fil-Quddiesa
    Bħala bnedmin aħna niżbaljaw u għalhekk ikollna l-bżonn li nirrikonċiljaw ruħna ma’ Alla.
    Fil-Ħajja Miżżewġa ta’ Kuljum
    M’aħniex koppja perfetta – għandna l-limitazzjonijiet u d-dgħjufijiet u minġabba f’hekk xi drabi nweġġgħu lil xulxin. Huwa fattur essenzjali fiż-żwieġ li nibqgħu kontinwament nitolbu maħfra minn xulxin. Bħala sinjal tanġibbli tal-indiema tagħna, ikun hemm drabi li nibdlu l-imġieba tagħna.
    • Kif iġġib ruħek meta jkollok bżonn taħfer lill-għarus/a tiegħek?
    • Għaliex taħfirlu/taħfrilha?
    • Kieku l-għarus/a tiegħek kellu/kellha j/tiżbalja, lest/ha li taħfrilha/taħfirlu?
    • Xi tfisser taħfer?
    Referenza Biblika
    Luqa 15. 11-32
    11 Qalilhom ukoll: "Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. 12 Iż-żgħir qal lil missieru, 'Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.' U dak qassmilhom il-ġid. 13 Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f'ħajja mtajjra. 14 Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa' ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. 15 U mar daħal ma' wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba' tiegħu jirgħa l-ħnieżer. 16 Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. 17 Mbagħad daħal fih innifsu u qal, 'Kemm lavranti ma' missieri għandhom ħobż bix-xaba', u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! 18 Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, 'Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; 19 ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b'wieħed mil-lavranti tiegħek.' 20 Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. 21 'Missier,' qallu ibnu, 'dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.' 22 Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, 'Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f'sebgħu u s-sandli f'riġlejh! 23 Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, 24 għax dan ibni kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab!' U għamlu festa. 25 "Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa' lura, kif wasal qrib id-dar sama' daqq u żfin. 26 Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x'kien. 27 'Hawn ħuk,' qallu dak, 'u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa' kisbu qawwi u sħiħ.' 28 Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. 29 'Ara,' qal lil missieru, 'ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma' ħbiebi! 30 Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!' 31 'Ibni,' qallu missieru, 'inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek. 32 Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa' qam, kien mitluf u nstab.'"

    2. Il-Liturġija tal-Kelma – nisigħmu dak li Alla jrid jgħidilna.
    Fil-Quddiesa
    Alla jkellimna bil-lingwaġġ tagħna ta’ bnedmin. Permezz tal-kelma tiegħu, Alla jurinuna l-pjan li għandu għalina u jtina s-setgħa mhux biss li ngħixu skond dan il-pjan imma wkoll li nipparteċipaw fih u nkunu parti mill-ħsieb tiegħu billi nassuma l-istess mentalità.
    Fil-Ħajja Miżżewġa ta’ Kuljum
    Huwa ta’ ħtieġa li nkunu familjari mal-kelma ta’ Alla. Huwa rrakkomandat li l-koppja jkollha kopja tal-Bibbja u ta’ kuljum taqra siltiet minnha, timmedita u titlob fuq dak il-qari. Huwa l-uniku mezz li bih jistgħu jifhmu dak li Alla jrid minnhom.
    • Kif ser nagħmlu d-dar tagħna post fejn jitħabbar l-evanġelju u fejn ngħixu l-evanġelju?
    • Konvint/a li l-kelma ta’ Alla ser tgħinni biex nifforma kuxjenza tajba sabiex nieħu deċiżjonijiet tajbin?
    Referenza Biblika
    Luqa 24, 13-32
    13 Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, 14 jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. 15 Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa' miexi magħhom. 16 Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. 17 U hu qalilhom: "X'intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?" U huma waqfu, b'ħarsa ta' niket fuq wiċċhom. 18 Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: "Inti waħdek il-barrani f'Ġerusalemm li ma tafx x'ġara hemmhekk f'dawn il-jiem?" 19 "X'ġara?" staqsiehom Ġesù. Qalulu: "Dak li ġara lil Ġesù ta' Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, 20 kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f'idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. 21 Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! 22 Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar 23 u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. 24 Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!" 25 Qalilhom Ġesù: "Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! 26 U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?" 27 U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu. 28 Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta' birruħu li hu kien se jibqa' sejjer aktar 'il bogħod. 29 Iżda huma ġegħluh jibqa' magħhom u qalulu: "Ibqa' magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm." Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. 30 U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. 31 Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. 32 U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: "Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?"

    3. L-Offertorju – ir-rigali tal-ħobż u l-inbid jiġu offerti lis-saċerdot quddiem l-artal.
    Fil-Quddiesa
    Noffru r-rigali tagħna lil Alla – ħajjitna, l-enerġija kollha tagħna, ħsibijietna, xogħolna. Permezz tas-simboli tal-ħobż u l-inbid, aħna noffru l-ħajja sħiħa tagħna lil Alla, li jibdilhom f’offerta perfetta.
    Fil-Ħajja Miżżewġa ta’ Kuljum
    Il-membri fil-koppja joffru lil xulxin dak kollu li hu materjali, iżda mhux biss; joffru lilhom infushom b’mod sħiħ. Fiż-żwieġ xejn m’għandu jibqa’ mistur għaliex il-miżżewġin hum aprezzjużi għal xulxin u jridu jkunu nesti u sinċieri ma’ xulxin, anke fi żmien diffiċli.
    • Hemm xi oqsma f’ħajti li jien għadni mhux onest fihom?
    • Xi tfisser il fedelta’ għalik?
    Referenza Biblika
    Rum. 12, 1-2
    1 Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta' Alla, offru ġisimkom b'sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. 2 Timxux max-xejra ta' din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta' fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x'inhi r-rieda ta' Alla, x'inhu t-tajjeb li jogħġbu, x'inhu perfett.

    ►4. Il-Konsagrazzjoni – il-mument fejn is-saċerdot jgħolli l-ostja mqaddsa u l-kalċi.
    Fil-Quddiesa
    Dan il-mument ifakkarna li Kristu offra lilu nnifsu għad-dnubiet tagħna. F’kull quddiesa Kristu jerġa’ joffri lilu nnifsu lill-Missier u miegħu nkunu preżenti taħt is-salib u  nipparteċipaw b’mod sħiħ f’dik l-offerta ta’ sagrifiċċju.
    Fil-Ħajja Miżżewġa ta’ Kuljum
    Kuljum il-miżżewġin jissottomettu r-rieda u x-xewqat tagħhom lil xulxin. M’għandhomx iħabirku biex jikkompetu ma’ xulxin, jew jagħmlu ħsara lil xulxin. Is-sagrifiċċju fil-ħajja ta’ kuljum imur lil hinn mix-xogħol u d-doveri. Dawn għandhom isiru b’imħabba u rispett lejn xulxin. Huwa dan li nifhmumeta ngħidu ‘tmut għalik innifsek’; propju biex permezz ta’ dik il-mewt individwali titwieled il-koppja.
    Referenza Biblika
    Ġwanni 12, 24
    24Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa' weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.

    ►5. Ir-Rit tat-Tqarbin – il-mumnet meta nirċievu ġo fina l-Ewkaristija Mqaddsa.
    Fil-Quddiesa
    It-tqarbin jgħaqqadna ma’ Alla u ma’ xulxin.
    • Xi jfisser ngħixu din l-għaqda ma’ Ġesu’?
    • Kieku Ġesu’ kellu jqatta’ ftit ħin magħkom illum, x’kontu tgħidulu?
    • X’taħseb li kien jgħidilkom?
    Fil-Ħajja Miżżewġa ta’ Kuljum
    Il-miżżewġin jaqsmu ġisimhom intimament ma’ xulxin, bl-istess mod kif Kristu  ta ġismu u demmu biex isir ħaġa waħda mal-Knisja tiegħu. Fiċ-ċenaklu, il-kamra ta’ fuq, Ġesu’ waqqaf is-Sagrament tal-Ewkaristija, u hekk għaqqad lilu nnifsu intimament mal-appostli. Fiż-żwieġ, fil-privatezza tal-kamra tas-sodda, il-miżżewġin jagħrfu lil xulxin intimament u jikbru aktar qrib xulxin.
    Referenza Biblika
    Ġwanni 6, 48-58
    48 Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. 49 Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; 50 dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. 51 Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja." 52 Fuq hekk il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: "Kif jista' dan jagħtina ġismu biex nikluh?" 53 Ġesù mela qalilhom: "Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta' Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. 54 Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta' dejjem, u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum. 55 Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. 56 Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa' fija u jiena fih. 57 Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b'Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. 58 Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m'huwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem."

    ►6. Ir-Rit tal-Għeluq – Il-quddiesa hija lesta, inmorru fil-paċi.
    Fil-Quddiesa
    Il-quddiesa waslet fit-tmiem tagħha, iżda huwa biss il-bidu tal-ħajja. Din it-tislima titlob minna li nibdlu kull att li nagħmlu f’ħajjitna f’att perfett ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla.
    • Kif ser nagħmlu d-dar tagħna ‘Knisja Domestika’?
    • Kif ser nagħmlu d-dar tagħna post fejn inqaddsu lil xulxin?
    Fil-Ħajja Miżżewġa ta’ Kuljum
    Il-koppja miżżewġa trid tkun miftuħa u disponibbli lejn uliedha u lejn persuni oħra barra mill-familja. Il-missjoni tal-familja tikkonsisti f’erba’ ħidmiet prinċipali:
    1. Li tifforma komunita’ ta’ persuni;
    2. Li tagħti l-ħajja;
    3. Li tagħti l-ħajja lis-soċjeta’ fejn tgħix, għax iż-żwieġ għandu effetti soċjali; 
    4. Li tieħu sehem fil-Missjoni tal-Knisja fid-dinja kontemporanja.
    (Familiaris Consortio, 17).
    Referenza Biblika
    Mark 16, 14-18
    14 Fl-aħħar wera ruħu lill-Ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u hekk rashom iebsa li ma emmnux lil dawk li kienu rawh wara li qam mill-mewt. 15 U qalilhom: "Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. 16 Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. 17 U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f'ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b'ilsna ġodda, 18 jaqbdu s-sriep b'idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu."

    Iż-żwieġ isir fit-talb

    Ir-rit taż-żwieġ huwa sekwenza ta’ talb u wegħdiet, li jkunu mifhuma l-aħjar mill-koppja fi spirtu ta’ talb. It-talb jista’ jkun formali u l-Knisja għandha wirt rikk ta’ talb għal kull okkażżjoni, fosthom iż-żwieġ. Iżda jekk il-koppja trid li dduq is-sbuħija tat-talb, għandha ta’ kuljum titlob anke b’mod informali u privat. Bħalma jsibu ħin għal kollox matul il-ġurnata, il-miżżewġin għandhom jirriżervaw ħin għat-talb, anki jekk għal ftit minuti kuljum. Ma’ ninsewx il-famuża frażi: “Il-familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien”. Mod sabiħ kif noħolqu struttura ta’ talb huwa dan il-metodu fi tliet passi:
    • Ringrazzjament – irringrazzja lil Alla għall-affarijiet sbieħ li ġraw matul il-jum.
    • Maħfra – Itlob lil Alla għall-maħfra għall-affarijiet ħżeina li ġraw matul il-jum.
    • Interċessjoni – Itlob lil Alla jagħti l-għajnuna tiegħu f’dik l-attivita’ jew lil dawk il-persuni li tħoss għalihom.
     
    Tħejjija għall-liturġija taż-żwieġ
    Huwa tajjeb li l-għarajjes jiltaqgħu minn kmieni qabel id-data taż-żwieġ, mill-anqas anke ftit xhur qabel, mas-saċerdot li jkun ser iżewwiġhom. Mhux biżżejjed li ssir prova tal-quddiesa ftit jiem qabel it-tieġ, għalkemm dan huwa mportanti wkoll. Is-saċerdot jgħin lill-koppja tagħżel il-qari, l-innijiet tal-kant, u fit-tħejjija tal-ktejjeb tal-quddiesa jekk jiddeċiedu li jkollhom wieħed. 

    Xi ideat prattiċi dwar il-Quddiesa taż-Żwieġ

    • Il-koppja jiddeċiedu kif ser jersqu lejn l-artal;
    • Min se jtella’ lill-għarusa;
    • Min ser jaqra. Hemm erba’ mumenti ta’ qari li jsiru mill-membri tal-miġgħema. Dawn huma: wieħed mit-Testment il-Qadim, is-Salm Responsorjali, wieħed mit-Testment il-Ġdid u t-talb tal-Interċessjoni.

    Wara l-omelija, ikun imiss ir-Rit taż-Żwieġ, li jikkonsisti fi tliet partijiet:

    L-Ewwel Parti: mistoqsijiet li jsiru waqt ir-Rit taż-Żwieġ:

    • Ġejtu intom hawn minn rajkom, għax ridtu u mingħajr ma kontu mġegħlin biex tintrabtu flimkien fiż-żwieġ? (Biex ikun aċċertat ċerti li ħadd mill-għarajjes m’hu mġiegħel biex jiżżewweġ).
    • Intom lesti biex tibqgħu miexja f'din it-triq taż-żwieġ, u tħobbu u tirrispettaw lil xulxin tul ħajjitkom kollha? (Biex ikun aċċertat li dan huwa pass għall-ħajjitna kollha).
    • Intom iesti tilqgħu bI-imħabba l-ulied li Alla jogħġbu jibagħtilkom, u trabbuhom skond il-liġi ta' Kristu u tal-Knisja tiegħu? (Biex ikun aċċertat li l-koppja hija favur il-ħajja ġdida).

    It-Tieni Parti : Il-Kunsens

    “Jiena, nieħu lilek b'marti/b’żewġi u nwiegħdek li nżomm ruħi fidil/a lejk, fir-riżq tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, u li nħobbok u nirrispettak tul ħajti kollha”.
    Is-saċerdot jitlob il-kunsens tal-koppja billi jsaqsihom din il-mistoqsija, l-ewwel lill-għarus imbgħad lill-għarusa:

    “Trid inti --- tieħu lil --- b’martek / b’żewġek u twegħidha li żżomm ruħek fidil lejha, fir-riżq tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, u li tħobbha u tirrispettaha tul ħajtek kollha?”

    Għal dan l-għarajjes iwieġbu: “Iva, irrid”.

    Din l-istqarrija, “Iva, irrid”, tgħaqqad u torbot lill-koppja. Din mhix kelma desktrittiva, iżda kelma ta’ azzjoni, ta’ għemil. Minkejja li hija kelma sempliċi, l-effett tagħha huwa dak stess li tlissen. Il-filosfu J. L. Austin jirreferi għalihom bħala ‘atti tal-kelma’ (speech-acts): la darba imlissna, iseħħ dak li jgħidu. Minn dak il-mument, żewġ persuni jsiru koppja waħda miżżewġa. Imbagħad, iż-żwieġ jilħaq il-milja kollha tiegħu fil-komunjoni sesswali.

    It-Tielet Parti: L-għoti taċ-ċrieket

    Ir-Rit taż-Żwieġ ikompli bit-tberik taċ-ċrieket tż-żwieġ. Il-koppja, l-ewwel l-għarus, imbgħad l-għarusa, ilibbsu ċ-ċurkett lil xulxin waqt li jgħidu:

    “Ħu dan iċ-ċurkett bħala sinjal ta' mħabbti u tal-fedeltà tiegħi lejk. FI-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.”

    Iċ-ċrieket milbusa fuq ir-raba’ sebgħa tal-id ix-xellugija mhumiex l-aktar parti mportanti tar-rit. Iċ-ċrieket qegħdin hemm biex permezz tax-xhieda tagħhom fuq idejna, ifakkruna fl-għotja ta’ mħabba li għamilna lil xulxin bħala koppja. Iċ-ċrieket huma mogħtija f’isem it-Trinita’ Mqaddsa. Għalhekk ta’ min iħeġġeġ lill-koppji li jilbsu ċ-ċrieket taż-żwieġ dejjem sakemm in-natura tax-xogħol tagħhom tippermetti dan.

    • Wara l-bdil tal-wegħdiet quddiem iż-żewġ xhieda, il-koppja tista’ tagħżel li tixgħel ix-xemgħa tal-għaqda bħala simbolu tal-unita’ tagħhom.
     
    • Ħbieb u familjari jistgħu jkunu mistiedna jħejju xi talb tal-interċessjoni. L-offerti fil-quddiesa ġeneralment jittellgħu mill-ġenituri tal-għarajjes. Huma l-għarajjes infushom li jilqgħu l-offerti, li mbgħad huma stess ipoġġu fuq l-artal. B’dan il-mod il-koppja tkun qed tarma l-artal stess li tfakkarhom fl-impenn li għandhom li jkunu qaddejja ta’ xulxin.
     
    • Wara t-talba tal-Missierna, is-saċerdot jagħti barka speċjali li fiha jinvoka l-Ispirtu s-Santu fuq il-koppja biex iseddaqhom f’għaqda waħda.
     
    • Ikun imiss ir-Rit tal-Għoti tal-Paċi, imbgħad it-tqarbin bil-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Din hija l-ewwel ikla tal-koppja flimkien bħala koppja miżżewġa.
     
    • Tkun ħaġa sabiħa jekk il-koppja toffri talba ta’ ringrazzjament qabel il-barka al-aħħar.
     
    • Fit-tmiem, isir l-iffirmar tad-dokumenti għal raġunijiet ċivili.

    Idea sabiħa li għandha tiġi mħeġġa hija dik ta’ nofs ta’ nhar irtir mas-saċerdot li jkun se jżewweġ lill-koppja. Huwa mument speċjalili matulu l-koppja tkun tista’ tħejji lilha nfisha għall-quddiesa tat-tieġ, filwaqt li jirċievu wkoll is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (il-qrar).

    Għandha ssir emfasi fuq l-importanza tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, speċjalment jekk l-għarajjes ilhom ma’ jersqu għall-qrar. In-natura sabiħa ferm ta’ dan is-sagrament terġa tgħaqqadna ma’ Alla li hu mħabba u ħniena għalina.

    Wara ż-żwieġ, il-koppja tista’ tistieden lis-saċerdot li żewwiġom bniex iberkilhom id-dar matrimonjali tagħhom.

    Tkun ħaġa sabiħa wkoll jekk il-koppja, fiċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom, jiftakru fil-fqar u f’dawk fil-bżonn.

    L-għarajjes għandhom jimmiraw li :

    • japprezzaw il-quddiesa fis-sinifikat u s-sens tagħha bħala parallela mal-ħajja ta’ kuljum fiż-żwieġ;
    • jifhmu l-partijiet differenti tal-quddiesa taż-żwieġ u kemm hu mportanti li jħejju ruħhom sew għaliha;
    • jifhmu l-importanza tat-talb fiż-żwieġ.







comments powered byDisqus