• Laqgħa 2 - Komunikazzjoni Effettiva

  • Xi jwassal għal komunikazzjoni effettiva? Kemm hija mportanti l-komunikazzjoini doppja, kemm li titkellem kif ukoll li tisma’? Kif se niżviluppa attitudnijiet u ħiliet tajba ta’ komunikazzjoni? Naċċettaw dak li hemm differenti f’xulxin? Kif se niskopru l-bżonnijiet ta’ xulxin, filwaqt li nikbru fil-ħbiberija tagħna? X’inhuma l-isidi u t-theddid għal komunikazzjoni effettiva?

    Nagħrfu s-sinjali meta għandna nieqfu: it-tabella STOP

    L-affarijiet li nagħmlu u ngħidu biex inweġġgħu lil xulxin, għandhom effett akbar fuq ir-relazzjoni tagħna minn dawk l-affarijiet li huma sbieħ. Kullħadd jaf meta jkun imweġġa’. Ħafna drabi nweġġgħu lil xulxin mingħajr ma rridu u mhux apposta. Dan jiġri meta naġixxu mingħajr ma naħsbu, bla ħsieb. Għandna nagħrfu l-vizzji ħżiena li għandna fl-imġieba tagħna fil-kuntest tar-relazzjoni u nqisuhom bħala sinjali li għandhom iwaqqfuna minn dak li nkunu ser nagħmlu jew ngħidu. Niftakru fit-tabella tat-traffiku STOP.

    S = Skorja l-punti mal-għarus/a (din tista’ teskala u jintilef kull kontroll). Din tiġri meta nakkuaw lil xulxin u nirribattu għall-akkuża. Eż. : “Mhux inti għedt ...” “Iva? Mela nsejt li inti ..... ?”
    T = Taħseb fil-ħażin, tkun negattiv (din qatt m’hi mġieba intenzjonata). L-ispjegazzjoni qatt m’hi biżżejjed biex tbiddel ħsibijiet bħal dawn. Eż : “Kemm hu ħelu miegħi ... donnu jrid xi ħaġa minni!”
    O = Oħroġ mis-sitwazzjoni meta tara li l-affarijiet se jikkumplikaw ruħhom (kemm emozzjonalment, kif ukoll fiżikament). Din hija attitudni distruttiva. Eż : “Issa veru qtajt qalbi ... ma niflaħx aktar!”
    P =  Poġġi lill-għarus/a f’pożizzjoni li jħossu/tħossha nferjuri, imċekken/imċekkna; attitudni distruttiva. Eż : “Int ma tiswa’ għal xejn!”

    Dan l-eżerċizzju jsir hekk :
    Il-koppja tagħti l-punti minn 1 sa 3 billi tagħmel ċirku madwar in-numru magħżul, għal kull stqarrija f’din il-lista:

    1 = rari ;                                2 = kultant ;                        3 = spiss
    Għodd il-punti. L-ogħla żewġ riżultati huma ż-żewġ tabelli STOP tagħkom.
    S = Skorja l-puntiPuntiTotal
    Jien malajr nitkellem dwar affarijiet li huma ħżiena.1      2      3
    Jien nirritalja meta tikkritikani.1      2      3
    T = Taħseb fil-ħażin
    Nissuspetta fik meta tagħmel xi ħaġa tajba/iġġib ruħek bi ħlewwa aktar mis-soltu.1      2      3
    Kultant nibża li int se tidħak bija.1      2      3
    O = Oħroġ mis-sitwazzjoni
    Għandi tendenza li ningħalaq meta nitkellmu dwar ċerti affarijiet.1      2      3
    Nippreferi nwarrab meta tirrabja għalija.1      2      3
    P =  Poġġi lill-għarus/a f’pożizzjoni li jħossu nferjuri
    Kulltant ngħajrek u nidgħilek.1      2      3
    Naqleb għajnejja ‘l fuq meta tagħmel/tgħid xi ħmerija.1      2      3

    Minn dan l-eżerċizzju ħafif, l-għarusa tgħaraf li għandha bżonn lill-għarus biex hi tieqaf milli ...., filwaqt li l-għarus għandu bżonn lill-għarusa biex hu jieqaf milli .... Naturalment, dawn il-puntini jimtlew bir-riżultat li joħroġ mill-eżerċizzju.


     X’inhi komunikazzjoni effettiva ?
    Il-Komunikazzjoni m’għandiex tgħaddi ġudizzju:
    Meta tikkummenta dwar l-imġieba tal-għarus/a tiegħek, għandek timmira lejn l-imġieba u mhux tattakka ‘l persuna.

    • Tużax tabelli (eż. Int egoist/a).
    • Evita l-akkuża (eż. Inti dejjem tasal tard). 
    • Dak li għandek tgħid dwar l-għarus/a, għidu daqs li kieku kien dwarek billi tuża l-kelma ‘JIEN’. (Eż. Jien inħossni ... għaliex ...).

    Il-komunikazzjoni li ma tiġġudikax tassigura li r-rispett lejn il-persuna ma jintmessx, anzi li jkun imsaħħaħ. Il-messaġġ li jkun qed jiġi kkomunikat jasal b’mod ċar, ir-relazzjoni tal-koppja ma tintmessx u l-komunikazzjoni tibqa’ miftuħa biex tkompli ‘l quddiem. Dan l-atteġġjament jassigura li d-dinjita’ tal-persuna tibqa’ sħiħa.

    Eżempju: “Ninkwieta li (jien) għandi daqstant ħin qasir miegħek, u meta tasal tard ikollna ħin anqas.” (Dan b’reazzjoni għall-fatt li l-għarus/a reġa’/reġgħet wasal/waslet tard).

    Il-Komunikazzjoni għandha tkun permissiva

    Din hija l-kontra għax-xenarju ta’ meta wieħed jipprova jiddomina u jieħu poter fuq il-persuna l-oħra waqt li suppost qed jikkomunika. Il-komunikazzjoni permissiva tagħti spazju biex il-koppja tesprimi l-opinjoni ma’ xulxin, taqsam twemmin u sentimenti u tippermetti l-koppja jaġixxu b’mod komdu ma’ xulxin. Evita li tagħti parir, sakemm mhux mitlub. Minflok, agħmel suġġeriment jew proposta. Evita li timmanipola lill-għarus/a biex tgħaddi tiegħek. Minflok, offri l-liberta’ li l-għarus/a jesprimi/tesprimi ruħu/ruħha b’mod miftuħ u mingħajr biża. B’hekk tkun qed turi li inti temmen verament li inti kapaċi toffri sinċerità fir-relazzjoni tiegħek, filwaqt li tistieden lill-għarus/a j/taġixxi bl-istess mod miegħek.
    Eżempju: “L-opinjoni tiegħi dwar din il-ħaġa hija ...... x’taħseb inti ? X’inhi l-opinjoni/l-idea tiegħek?”

    Il-Komunikazzjoni għandha tkun empatika

    Dan l-atteġġjament jinkoraġġixxi lill-għarus/a tiegħek i/tkompli jitkellem/titkellem. Jekk tirrispondi b’mod indifferenti, il-komunikazzjoni tfalli. 

    • Esprimi b’mod ċar is-sentimenti tiegħek li għandhom jakkumpanjaw il-messaġġ li trid tgħaddi.
    • Ħalli lill-għarus/a tiegħek j/tesprimi s-sentimenti tiegħu/tagħha.
    • Uri reazzjoni emozzjonalment pożittiva, għax din toħloq ambjent sikur fejn wieħed ma jiddejjaqx jiftaħ qalbu, kemm f’każ ta’ sentimenti pożittivi (eż. inħobbok), kif ukoll sentimenti negattivi (eż. inħossni rrabjat/a ... imdejjaq/imdejjqa).
    • Isma’ l-messaġġ li qed j/tgħaddilek l-għarus/a bħala messaġġ li huwa dwaru/dwarha, u mhux dwarek.

    Din it-tip ta’ komunikazazjoni toħloq rabta aktar qawwija bejn il-koppja u tassigura li tħalli l-bibien miftuħa.

    Eżempju: “Verament jiddispjaċini li int qed tħossok inkwetat/a dwar dak li ġara.”

    Il-Komunikazzjoni għandha tagħti ekwilibriju

    Il-messaġġ hawnhekk huwa dak li l-għarus/a tiegħek ħaqqu/ħaqqha r-rispett tiegħek u ħaqqu/ħaqqha li j/tingħata widen meta j/titkellem. Agħti valur u rispett lejn dak li t-tnejn bħala koppja għandkom tgħidu lil xulxin. Evitaw li tkunu superjuri fuq xulxin u rrikonoxxu li t-tnejn li intom għandu jkollhom spazju biex tesprimu lilkom infuskom.
    Eżempju: “Din nistgħu insolvuha.” Meta l-komunikazzjoni toħloq ekwilibriju, tkun qed tagħti wkoll spinta qawwija ‘l fuq fl-istima li wieħed għandu tiegħu nnifsu. Ir-relazzjoni se tkun stabbli u l-komunikazzjoni ħafna eħfef.

    Il-komunikazzjoni għandha tkun proviżorja

    Il-pesuna li jikkomunika b’dan il-mod ma jfittixx li jimponi l-opinjoni tiegħu. Anzi, din il-komunikazzjoni tagħti lok li jista’ jkun hemm tajjeb jew ħażin fuq iż-żewġ naħat, u b’hekk tagħti spazju għan-negozjar. B’hekk tistgħu taqblu li ma taqblux fuq xi kwistjoni partikolari.
    Eżempju: “Jien hekk nemmen, imma lest li naċċetta li nkun ikkoreġut”.

    Komunikazzjoni proviżorja toħloq ambjent fejn il-membri kollha tal-familja jista’ jkollhom opinjoni, twemmin u modi differenti ta’ kif jagħmlu ċerti affarijiet. Fejn u meta jqumu xi diverġenzi, ikun hemm spjegazzjoni il-għala ġara hekk, u għall-bżonn, negozjar bejn il-membri tal-familja biex jintlaħaq ftehim. Matul dan il-perjodu iżda, ir-relazzjoni tibqa’ pożittiva u l-kwistjoni tiġi diskussa b’mod kalm u b’rispett reċiproku.

    Il-Komunikazzjoni għandha tkun diretta u ċara

    Komunikazzjoni diretta u ċara tiġbor fiha t-tipi u l-metodi kollha ta’ komunikazzjoni li semmejna aktar qabel. Meta l-komunikazzjoni tkun diretta u ċara, ma jkun hemm l-ebda konfużjoni dwar x’inhu l-messaġġ, lil min qiegħed jingħata, jew x’qiegħed jgħid. Jekk ma tirċievi l-ebda risposta jew reazzjoni mingħand l-għarus/a, minkejja li tkun ikkomunikajt dirett u ċar, jista’ jkun li trid tuża metodi aktar attivi. Kultant l-azzjoni titkellem aktar mill-kliem.

    Eżempju: “Michael, inħossni veru rrabjata meta tirridikolani quddiem oħrajn. Jekk jgħoġbok tkomplix għaddej b’dan l-atteġġjament aktar!”

    Kull familja għandha taspira għal dan il-livell ta’ komunikazzjoni, għaliex :

    • jassigura l-espressjoni tas-sentimenti li wieħed iħoss,
    • ir-risposta għalihom,
    • it-tisħiħ tar-rispett tal-persuna, u
    • t-tisħiħ tar-rabtiet emozzjonali.

    Il-Komunikazzjoni għandha tkun kongruwenti

    Din il-komunikazzjoni tikxef il-konsistenza li hemm (jew m’hemmx) bejn dak li qiegħed tgħid verbalment, għal dak li qiegħed tgħid bl-azzjonijiet tiegħek. Meta l-komunikazzjoni tkun kongruwenti, il-parti tal-koppja li qed tirċievi l-messaġġ tħossha komda u sikura li tirrispondi għalih.

    Eżempji:
    VerbaliNon-verbali
    “Kemm jien ferħan/a miegħek hawn.”Bi tbissima, qagħda rilassata.

    “Qed inħossni rrabjat/a.”Espressjoni ta’ rabja fil-wiċċ, kuntatt iebesbl-għajnejn, qagħda stretta.

    “Qed inħossni veru nkwetat/a dwar l-eżamijiet.”Esressjoni ħosbiena u nkwetata, ton ta’ tensjoni fil-vuċi, qagħda stretta.

    Li wieħed jagħraf u jipprattika mudelli pożittivi ta’ komunikazzjoni hija r-responsabbilta’ ta’ kull membru tal-familja, iżda fuq kollox, tal-ġenituri. Huwa l-mudell tal-ġenituri li jpoġġi fil-perspettiva x’tip ta’ komunikazzjoni ser titħaddem bejnhom u bejn il-kumplament tal-membri tal-familja.

    L-importanza ta’ komunikazzjoni doppja : titkellem u tisma’.

    Din hija ħila li ssibha vitali f’dawk l-okkażjonijiet meta l-koppja jkollha bżonn titkellem dwar xi ħaġa li soltu dejjem jargumentaw dwarha. Bl-użu ta’ komunikazzjoni pożittiva bħal din, tkunu qed tevitaw li tweġġgħu s-sentimenti ta’ xulxin.

    Il-kelliem jgħaddi l-messaġġ, u s-semmiegħ jinterpretah. Is-semmiegħ jagħmel parafrażi tal-messaġġ u jwieġeb billi juża kliem li jkun uża l-kelliem fil-bidu. B’hekk il-kelliem ikun jaf jekk dak li qal kienx miftiehem sew mis-semmiegħ.

    Forsi dan jinstema stramb, iżda l-għan hu li tieqaf il-komunikazzjoni ħażina bejn il-koppja. Wara konversazzjoni bħal din, apoloġija sempliċi u ftit umiltà jġibu l-konflitt fix-xejn, b’konsegwenza li l-koppja se tħossha eqreb lejn xulxin u aktar intima ma’ xulxin.

    Niżviluppaw drawwiet u attitudnijiet tajba ta’ komunikazzjoni

    Il-koppji kollha jsegwu mudell ta’ mġieba; aktar ma jkollhom drawwiet tajba, aktar ikunu kuntenti b’xulxin. Sfortunatament, b’mod ġenerali, ninjoraw drawwiet tajba ta’ mġieba ma’ xulxin. Jiġri li fuq medda ta’ żmien, drawwiet ħżiena żgħar u sottili jnaqqru r-relazzjoni u jistgħu anki jeqirduha. Huwa diffiċli tneħħi drawwiet bħal dawn, u malajr jiġri li ċerti aspetti tar-relazzjoni jiġu iżolati mid-diskussjoni u l-koppja tibda’ titbiegħed minn xulxin bil-mod il-mod. Għalhekk huwa mportanti li kmieni fir-relazzjoni nistabbilixxu ċerti aspetti li huma ‘l fuq mid-diskussjoni. Eżempju : il-koppja tiddeċiedi li ma jattendux spiss parties weħedhom, bħal ma huma ladies’ nights u stag nights; jiddeċiedu ma’ liema ħbieb għandu jinqata’ l-kuntatt regolari u ma’ liema jħossuhom it-tnejn komdi; jiftehemu safejn u kemm spiss se jippermettu l-kunjati jiġu jżuruhom fid-dar il-ġdida tagħhom, eċċ. 
    Relazzjoni tiffjorixxi jew tmut skond l-attitudni li l-koppja jkollha lejn xulxin. L-attitudni ta’ wieħed jista’ jinfluwenza l-imġieba u s-sentimenti tal-parti l-oħra.

    Eżempju:
    • Nista’ nagħżel li nibbaża aktar fuq is-sentimenti tal-qalb - ir-riżultat ikun li jien se nħobbok fuq kif se ġġib ruħek u kif b’dak il-mod se nħossni miegħek;
    Jew
    • Nista’ nagħżel li nibbaża aktar fuq il-ħsieb tal-moħħ – ir-riżultat ikun li jien se nħobbok u se narak prezzjuż/a, tagħmel x’tagħmel u jiġri x’jiġri. Meta nimxi miegħek hekk, l-imġieba tiegħi u qalbi se jsegwu.

    Meta persuna tieħu d-deċiżjoni li l-għarus/a huwa/hija mportanti f’ħajjitha/ħajtu, din id-deċiżjoni konxja ser tgħin biex tiġi żviluppata attitudni pożittiva lejh/a; bl-imġieba tiegħi nagħti valur lill-għarus/a, nuri li jien jinpurtani minnu/minnha. Għalhekk is-sentimenti tiegħi jkunu ta’ xejra pożittiva għar-raġuni li jien qed naħdem biex nilħaq il-mira tiegħi.

    Naċċettaw id-differenzi tagħna

    Fil-bidu ta’ relazzjoni, il-koppja għandha ssir taf aktar dwar id-dettaji intimi fil-ħajja ta’ xulxin. Jaraw kif Alla jħobbna kif aħna u kif iż-żwieġ nisrani jsejjaħ lill-koppja biex iħobbu lil xulxin bl-istess mod, fuq l-istess mudell. Din mhix xi ħaġa faċli. Alla għamel lir-raġel u l-mara indaqs, iżda kumplimentari għal xulxin. Dan ifisser li hemm differenzi fiżjoloġiċi u psikoloġiċi li wieħed għandu jagħraf biex jifhem aħjar lill-għarus/a. Qabel ma naqdbu u naċċettaw dawn id-differenzi, wieħed irid ikun konxju li jeżistu u b’hekk jagħraf x’inhuma. Jekk dan ma jsirx, il-koppja ma tistax tapprezza lil xulxin għal dak li huma bħala persuna u jagħtu support lil xulxin u qawwiet u djufijiet tagħhom.

    Riżorsa tajba: Mark Gugnor, Tale of Two Brains. http://www.amazon.com/Mark-Gungor-Tale-Two-Brains/dp/159975780X
    Dan huwa DVD divertenti li jesplora d-differenzi bejn raġel u mara; jaġixxu differenti, jikkomunikaw b’mod differenti u fuq kollox jaħsbu b’manjiera differenti. Gugnor juri li jistgħu jinqalgħu problemi meta r-raġel u l-mara jkollhom opinjoni differenti fuq kif iħarsu lejn il-ħajja. Jgħid li hija problema tal-moħħ, aktar milli tal-qalb.

    Riżorsa  Nisranija: Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Apostolika, Mulieris Dignitatem, 15t’Awwissu 1988.
    Din l-ittra hija ta’ mportanza vitali għall-għarfien nisrani tal-vokazzjoni tal-mara, f’konformita’ mal-kultura feminista kontemporanja. Il-Papa jispjega b’mod sabiħ ferm li r-raġel u l-mara huma maħluqa ndaqs, iżda kumplimentari gaħl xulxin.


    Niskopru l-bżonnijiet ta’ xuxin

    Hemm diversi modi kif nistgħu nuru l-imħabba. Il-koppja għandha dejjem tipprova tikkomnika l-imħabba għal xulxin b’mod li jiftiehem u kif mixtieq. Wieħed għandu jitgħallem il-lingwaġġ tal-imħabba tal-għarus/a u jużah. Dan jitlob sforz, dixxiplina u prattika. Huwa mportanti li dak li jkun jagħraf il-bżonnijiet emozzjonali tiegħu, imbgħad jikkomunikahom lill-parti l-oħra, li għandha tagħmel l-għalmu kollu biex tissodisfahom. Jekk l-għarus/a tiegħek (u aktar ‘il quddiem fiż-żwieġ żewġek jew martek) jissodisfa dawn il-bżonnijiet emozzjonali, dak li jkun ma’ jkollux għalfejn ifittex persuni oħra barra mir-rabta taż-żwieġ.

    Riżorsa tajba :  Gary Chapman, The Five Love Languages: How to express heartfelt commitment to your mate, pubblikazzjoni Northfield Publishing, 1992.

    Inti u l-għarus/a tiegek qegħdin titkellmu l-istess lingwaġġ? L-imħabba kultant taf tikkonfodi sew lil dak li jkun, billi l-bniedem jiġi f’kull għamla ta’ forma u qies, b’għażla nfinita ta’ kif jesprimi l-imħabba. Iżda aktar iva milli le, il-persuna li tagħti l-imħabba u l-persuna li tirċeviha, jagħmlu dan b’żewġ modi differenti. Dan jista jwassal għan-nuqqas ta’ ftehim, ġlied u anki sfortunatament divorzju.

    Il-ħames lingwaġġi bażiċi tal-imħabba huma :

    • ħin ta’ kwalita’ flimkien;
    • kliem t’affermazzjoni u mħabba;
    • rigali;
    • atti ġentili ta’ servizz;
    • kuntatt fiżiku.

    Dr. Gary Chapman jidentifika dawn il-ħames lingwaġġi u jiggwida lill-koppja lejn għarfien aħjar tagħhom.

    Hemm lingwi differenti ta’ kif tikkomunika l-imħabba. Xi lingwa partikolari tikkomunika l-imħabba b’mod iżjed effettiv minn oħra. Ħafna drabi l-lingwa tal-għarus/a tiegħi hija differenti minn tiegħi. Jiena nikkomunika l-imħabba bil-mod kif naf jien u bil-mod kif nixtieq nirċiviha jien. Iżda hemm bżonn nitgħallem ukoll il-lingwa ta’ kif jixtieq/tixtieq li jkun/tkun maħbub/a l-għarus/a tiegħi. Dan ovvjament jitlob ċerta sforz, dixxiplina u prattika.

    Nikbru fil-ħbiberija

    Il-ħbiberija hija wieħed mill-pilastri mportanti taż-żwieġ. Komunikazzjoni tajba tnissel il-ħbiberija, u biex din tkompli tikber hemm bżonn ta’ dawn l-elementi essenzjali :

    • ma jkunx hemm sigrieti, bla ħabi,
    • ħin ta’ kwalita’ biex nitkellmu flimkien,
    • naqsmu l-attivitajiet tagħna ma’ xulxin,
    • esperjenzi divertenti.

    Kif jistgħu l-għarajjes iżommu dan f’moħħhom biex jintegraw dawn l-erba’ punti mportanti fil-ħajja futura tagħhom flimkien? X’hemm bżonn li jiġi rranġat, jew jinbidel, jew li jsir b’mod differenti? Dawn kollha joħolqu memorji sbieħ komuni għat-tnejn u jistimulaw il-konverżazzjoni.

    Bl-istess mod kif Alla huwa dejjem qrib tiegħek, hekk għandek tkun inti qrib l-għarus/a. M’għandekx għalfejn tibża’ tesprimi s-sentimenti u l-ħsibijiet tiegħek, l-istess bħalma ma tibżax tesprimihom ma’ Alla li jaċċettak u jħobbok kif int. Li tikbru fil-ħbiberija, iwassal li tikbru fit-talb flimkien (ara r-rakkont ta’ Sara u Tobija fil-Ktieb ta’ Tobit fit-Testment il-Qadim), tant li din l-esperjenza sabiħa ta’ ħbiberija testendi lil hinn mir-relazzjoni tal-koppja u lejn il-familja estiża u l-kommunita’ nisranija aktar wiesa. Fil-mixja ta’ fidi tagħna, aħna ma nivvjaġġawx weħidna, iżda flimkien bħala komunità ekklesjali waħda.

    Tajjeb li nieqfu u naħsbu : Liema taħseb li huma dawk l-elementi li jheddu l-komunikazzjoni?

    Sfidi u theddid għal komunikazzjoni effettiva

    Huwa mportanti li nagħrfu dawn iż-żoni ta’ periklu :

    • komunikazzjoni eċċessiva ma’ persuni barra ż-żwieġ, permezz tal-internet, mobile, messaġġi, eċċ. Dan jista’ jkun forma ta’ qerq emozzjonali u jnawwar ir-relazzjoni fin fin.
    • Meta kliem u fatti mhumiex konformi ma’ xulxin; x’inhu l-iskop li tgħid ‘inħobbok’ jekk l-imħabba ma turihiex b’mod prattiku?
    • Attitudni ta’ rebħ u telf waqt argument; jien nirbaħ l-argument u inti titilfu. Attitudni u komunikazzjoni bħal din hija negattiva. Għandna naspiraw għal riżultat li permezz tiegħu it-tnejn li aħna nirbħu. Fiż-żwieġ m’hemmx lok għall-battalji għall-poter.
    • Tieħu vantaġġ fuq l-għarus/a għax inti taf titkellem aktar u jirnexxilek tiddomina.

    Fejn għandha tasal koppja wara li tikkunsidra dawn il-prinċipji ta’ komunikazzjoni effettiva?
    • Li tifhem sew l-importanza ta’ komunikazzjoni tajba (mhux biss mal-għarus/a, iżda wkoll mal-familji rispettivi ta’ xulxin u ma’ oħrajn);
    • Li attwalment tibda’ tipprattika komunikazzjoni effettiva;
    • Li tifhem l-importanza li neliminaw drawwiet ħżiena u minflok inrawwu atitudnijiet pożittivi;
    • Li naċċetta li l-parti l-oħra hija differenti minni u niskopri l-bżonnijiet l-aktar importanti tagħha;Li nikber fil-ħbiberija mal-għarus/a tiegħi u ma’ Alla.







comments powered byDisqus