• Laqgħa 10 - Aħna u l-Ġenituri Tagħna

  • Din l-aħħar laqgħa hija ddedikata :

    a.            għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (il-qrar); u
    b.            għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.

    Il-koppji għarajjes kollha li pparteċipaw fil-kors għandhom jieħdu sehem attiv fil-quddiesa;  għalhekk jagħmlu tajjeb li jinvolvu ruħhom kemm jistgħu. Il-ġenituri tal-għarajjes ikunu wkoll mistiedna kemm għat-taħdita qasira dwar il-ħiliet neċessarji li bihom jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal uliedhom, kemm għal jum it-tieġ kif ukoll fil-ħajja miżżewġa tagħhom, kif ukoll għall-quddiesa wara. Waqt it-taħdita jingħata s-servizz tal-qrar.

    L-iskop tal-istedina

    Dan hu mument sabiħ ħafna fejn tara ġenituri u wlied miġbura flimkien.  Forsi l-aħħar darba li kontu hekk flimkien kien qabel il-preċett jew il-grizma ta’ wliedkom. 

    Illum ser nistiednu lilkom għeziez ġenituri, biex tbierku lill-uliedkom ħalli permezz tal-imħabba, tat-talb  u l-barka tagħkom, l-imħabba tagħhom għal xulxin bħala għarajjes tibqa’ sabiħa.
    Barra minn hekk din hija wkoll ċelebrazzjoni ta’ ringrazzjament lil Alla għall-ġenituri li tana, kull wieħed u waħda minna.

    Intom biss tafu l-istorja ta’ wliedkom. Intom biss tafu x’għamiltu għalihom, xi jfissru s-sagrifiċċji li għamiltu u t-tbatijiet li għaddejtu minnhom għalihom.  Intom biss tafu bis-suċċessi u l-fallimenti tagħhom; bil-paġni sbieħ u l-paġni koroh tagħhom. Għalhekk illum huwa mument importanti għalikom, meta dawn uliedkom qegħdin fuq l-għatba taż-żwieġ tagħhom, biex tafdawhom f’idejn il-Mulej għal vokazzjoni taż-żwieġ li għoġbu jnissel fihom.

    Huwa r-raba’ kmandament, mibni fuq dak li naqraw fil-ktieb ta’ l-Eżodu: “Weġġah lil Missierek u ’l Ommok, biex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej Alla tiegħek jaghtik” (Eż 20:12), li juri li l-imħabba u r-rispett lejn il-ġenituri jġibu riżq u barka fuq l-ulied. Għax il-ġenituri huma r-rappreżentanti tal-Mulej f’din l-art. Mela ġenituri ġibu ruħkom b’mod li ħajjitkom ikun jistħoqqilha dan il-ġieħ. Huwa kmandament li f’sens reċiproku jirreferi wkoll għar-rispett li l-ġenituri għandhom ikollhom għal uliedom. Għaliex wara kollox kull ġenitur tallum huwa wild il-ġenerazzjoni ta’ qablu, u bħalma llum dawn l-għarajjes qegħdin hawn fil-bidu tat-triq li se twassalhom għall-ħajja miżżewġa, hekk ukoll intom il-ġenituri għamiltu l-istess pass snin ilu, f’akkumpanjament simili mal-ġenituri tagħkom.
    Il-ġenituri huma dawk li tawk il-ħajja, rabbewk fi ħdan familja. Huma l-akbar benefatturi tiegħek.
    Sfortunatament insibu lil min meta jisma’ l-kelma ‘missier’ jew ‘omm’ iħoss uġiegħ. Qatt ma ħassew bewsa, tgħannieqa. Jista’ jkun li ġew abbandunati jew abbużati. U jekk għadek tħoss ir-rabja tbaqbaq ġo fik forsi għad trid tersaq għall-fejqan tiegħek. Iġġorx dan il-piż tiegħek miegħek fil-ħajja ġdida li ser tibda’ mal-maħbub/maħbuba tiegħek. Ftakar li ma jeżistux ġenituri perfetti. Iżda probabbli li tawna l-aħjar li kienu jafu huma. Issa sta għalik, għalikom koppji għarajjes, li bħala persuni responsabbli li qed tersqu lejn il-pass taż-żwieġ, tieħdu dak li hu tajjeb u sabiħ mill-ġenituri tagħkom, iżżommuh u tkabbruh. Dak li hu anqas sabiħ jew ikrah issa għandek iċ-ċans li twarrbu. Issa huwa ċ-ċans li tersaq għall-għajnuna biex tfieq minn dan l-uġiegħ jekk għadu jkiddek. Ħu parir, ta’ saċerdot, ta’ counsellor, li żgur għandu jservik ta’ ġid biex tiskopri s-sabiħ tal-ħajja.
    Faċli nirrepetu l-istess mudell li kellna fit-trobbija tagħna, imma nistgħu nibdew mudell ġdid u differenti. Għalhekk huwa mportanti li l-ġenituri tal-għarus u l-għarusa jkunu jafu lil xulxin. Li bħala għarajjes inkunu nafu sew ukoll lill-ġenituri ta’ xulxin, id-drawwiet fil-familji ta’ xulxin. Għax aħna prodott tal-ambjent tagħna, tal-familji tagħna.

    L-‘Arrivederci’

    Intom għarajjes ser tibdew familja ġdida. Se tibdew kapitlu ġdid fil-ħajja tagħkom, li sa issa kienet miexja fi triq għaliha, iżda li issa se tikkonverġi mat-triq tal-għarus/għarusa tiegħek. Ibdew paġna ġdida. Ibdew ħajja ġdida. U tkellmu bejnietkom dwar liema attitudnijiet u drawwiet tridu taċċettaw mill-familji tagħkom u tintegrawhom fil-familja ġdida tagħkom, jew inkella twarrbuhom.
    Intom il-ġenituri tħobbuhom ħafna lill-uliedkom, tridulhom il-ġid. Mela jekk jogħġobkom zommu l-limiti taghkom u tindaħlulhomx izzejjed.  L-influenza tagħkom bħala ġenituri hija straordinarja. Iżda ibnek li se jiżżewweġ minn hawn u ftit ieħor, ser jibdel il-prioritajiet ta’ ħajtu. L-ewwel se tiġi martu, imbagħad it-tfal. L-istess bintek; l-ewwel jiġi żewġha, imbagħad it-tfal.
    Lill-uliedkom tajtuhom għeruqu ġwienaħ tajbin.  Għeruq fis-sens ta’ valuri u prinċipji sodi u ġwienaħ fis-sens li tajtuhom responsabilta’ u għaqal biżżejjed biex jimirhu weħidhom.  Issa għinuhom u ħalluhom imorru mingħajr indħil żejjed. Uliedkom li se jieħdu l-istat tagħhom huma issa responsabbli biżżejjed li jfendu għal rashom.

    Għarajjes, attenti ... tittraskurawx lill-ġenituri tagħkom. Sib bilanċ bejn martek, żewġek u wliedek, imma kun ukoll t’għajnuna lill-ġenituri tiegħek u forsi wkoll persuni oħra fil-familja; dawk li huma anzjani, b’ xi diżabilita’ jew morda. Żuru lill-ġenituri tagħkom ta’ spiss. Iżda lanqas sal-punt li wara x-xogħol ta’ kuljum tibqa’ sejjer għand ommok, tagħmel siegħa hemm u tħalli lil martek u lill-uliedek jistennewk id-dar. Lanqas m’hu sew u ta’ ġid li deċiżjonijiet li nkunu ħadna flimkien bħala koppja jinbidlu f’salt għax indaħlet il-mama’ jew il-papa’. Imqar fuq liema kulur ta’ żebgħa ser nagħżlu għall-kamra tas-sodda! Issa inti raġel miżżewweġ, tibqax tifel tal-mama’ (mummy’s boy).
    Għalina fir-realta’ ta’ pajjiż żgħir, huwa ta’ vantaġġ li ngħixu qrib ta’ xulxin, għax dan huwa sors ta’ sapport għal familji ta’ xulxin. Jekk ma nkunux għaqlin iżda, jista’ jkun ta’ żvantaġġ. Il-viċinanza tista’ tkun ta’ soffokazzjoni għall-koppja miżżewġa friska.
    Huwa għalhekk li r-raġel iħalli l-ommu u l-missieru u jingħaqad ma’ martu. Għalhekk inkunu ġenituri b’imħabba. L-imħabba tibqa’ sal-mewt, imma mhux bl-istess mod. Altru mħabba lejn u ma’ wliedna meta huma tfal, altru għarajjes taħt l-istess saqaf, u altru meta jkunu miżżewġin. Nammettu wkoll li m’aħniex perfetti u stajna għamilna xi żbalji.  Ejjew f’dal-mument hekk speċjali nibdew paġna ġdida. Ejjew nisimgħu lill-uliedna, forsi b’manjiera aktar sensittiva u attenta minn qabel, iżda minn distanza.

    It-Tluq – Saħħiet !

    Illum li ltqajna għal din l-okkażjoni speċjali, ejjew intom ġenituri itolbu u bierku lill-uliedkom, u intom ulied, illum għarajjes, irringrazzaw lil Alla għal ġenituri tagħkom. Ejjew nagħmlu minn dan il-mument mument ta’ maħfra għal xulxin. U dan biex uliedkom joħorġu mid-dar bil-paċi u mhux bit-tilwim u bil-ġlied.

    Ejjew inkomplu nwettqu l-missjoni li Alla fdalna f’idejna. Din il-missjoni ma tieqafx għax issa żżewġu t-tfal. Intom ġenituri sal-mewt, għalkemm mhux bl-istess mod. Mela kienet x’kienet it-trobbija u t-tfulija li għaddejna minnha, ejjew nilqgħuhom dejjem, ejjew nisimgħu lil uliedna, ejjew nagħtu kashom. U intom għarajjes isimgħu lill-ġenituri tagħkom għax għandhom ħafna esperjenza x’jagħtukom u li minnha titgħallmu.

    Dan dejjem f’bilanċ. Bilanċ li jżomm l-ekwilibriju tiegħu fuq linja fina u trasparenti. Linja li ma tidhirx iżda li hemm tinstab.  Huwa fir-responsabbilta’ tiegħek għarus, tiegħek għarusa, li ssib dik il-linja u tagħraf timxi magħha.








comments powered byDisqus