• Laqgħa 4 - L-Impenn

  • Iż-żwieġ huwa għall-ħajja. Meta koppja għarajjes jiddeċiedu li ser jiżżewġu, dan ikun ifisser li huma qed jimpenjaw ruħhom għal xulxin – impenn li għandu jiġi mħares u rrispettat għal ħajjithom kollha. Fil-każ ta’ għarajjes Insara, dawn huma msejħa biex jibnu ż-żwieġ tagħhom fuq il-ħajja ta’ Kristu, li kienet iddedikata kompletament lill-Missier. Dan għandu jsir permezz ta’ spirtu ta’ servizz lejn xulxin, permezz tal-attitudni u l-imġieba sinċiera lejn xulxin u ‘l quddiem lejn l-ulied u mid-diżpożizzjoni li jkunu lesti jagħmlu sagrifiċċju għal xulxin.

    ‘Li tħobb’ hija deċiżjoni konxja u prattika - ‘l-impenn’ ukoll huwa deċiżjoni konxja.

    Hemm żewġ stadji mportanti fil-proċess ta’ meta nidħlu f’impenn: meta nagħtu bidu għall-impenn, u meta nibdew insostnu dak l-impenn. L-impenn inizzjali jkun jimplika li l-għarajjes wegħdu lil xulxin li se jibqgħu flimkien u li se jaħdmu kontra d-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-futur; mhux għall-lum biss, iżda għal dejjem. Il-lingwaġġ m’għandux ikun li “jien iżżewwiġt” (passiv) iżda “jien miżewweġ” (attiv). L-għarajjes għandhom jidħlu fiż-żwieġ b’qalbhom kollha u għandhom ikomplu jinvestu fiż-żwieġ tagħhom biex ikun jista’ jaħdem sew. L-imħabba weħidha mhix biżżejjed biex issostni r-relazzjoni, billi jiġu mumenti fejn il-koppja tħoss li jista’ jkun li l-imħabba naqset jew mhix preżenti. F’każ bħal dan, iridu jsibu mezz kif jerġgħu jqajmu s-sens ta’ mħabba li ġibidhom lejn xulxin fil-bidu. Anki jekk xi ħaġa żżommhom lura milli jagħmlu dan, għandhom jieħdu deċiżjoni li jħobbu b’mod konkret. Dan jagħmluh billi jitkellmu b’ġentilezza u b’rispett ma’ xulxin, billi jagħmlu ġesti żgħar ta’ mħabba lil xulxin u billi jagħtu l-attenzjoni sħiħa tagħhom lir-relazzjoni ta’ bejniethom.

    Għal dawk l-għarajjes li jagħżlu li jirċievu s-sagrament taż-żwieġ, hemm il-garanzija li Alla huwa dejjem preżenti magħhom biex isostni ż-żwieġ. Alla jagħti lilu nnifsu lill-koppja, bl-istess mod kif il-koppja jagħtu lilhom infushom lil xulxin. Fil-verita’, fiż-żwieġ Nisrani mhux biss nagħmlu mpenn ma’ xulxin bħala koppja, iżda nagħmlu mpenn ukoll ma’ Alla.

    Il-koppja m’għandhomx jidħlu fiż-żwieġ ħelu ħelu, iżda bir-rieda qawwija li dan l-impenn li se jidħlu għalih għal ħajjithom huwa att ta’ konvinzjoni (deċiżjoni konxja) u att tal-emozzjoni (tal-qalb). Li tiddeċiedi huwa differenti milli tidħol għal xi ħaġa kważi b’nofs qalb. Li tiddeċiedi tfisser ukoll li tifred, li taqta’. Wieħed ma’ jistax jiddeċiedi favur impenn jekk ma’ jneħħix min-nofs għażliet oħra li jistgħu jikkompetu kontra dak li hu l-aktar importanti.

    Iż-Żwieġ huwa mpenn miegħi nnifsi.

    Huwa mportanti li tiftakar li ż-żwieġ huwa wkoll impenn miegħek innifsek, mhux biss mal-għarus/a tiegħek. Meta persuna tagħżel li tiżżewweġ, mhux biss tkun qed taqbel li se tieħu raġel b’żewġħa/mara b’martu, iżda fuq kollox li hi stess se tkun Mart jew Żewġ il-parti l-oħra fiż-żwieġ. Dan ifisser li:  jien denju tal-imħabba ta’ marti/żewġi, jien kapaċi nsostni relazzjoni esklussiva fit-tul, jien serju/a, jien naf nagħti valur, inti tista’ tistrieħ fuqi, jien matur biżżejjed, naf naħseb, konfidenti biżżejjed li naf inkun intimu/a ma’ marti/żewġi, nirrispetta l-aspett tas-sess u nonorah bl-għola valur romantiku u nixtieq li jkun att ta’ ċelebrazzjoni glorjuża tal-imħabba tiegħi għal marti/żewġi, nixtieq li jkolli ulied minn marti/żewġi u li huma wkoll ikunu jistgħu iserrħu moħħom fuqi għall-bżonnijiet tagħhom. Dawn is-sentimenti kollha huma riflessi fil-wegħda taż-żwieġ.

    Kif qed taraw mhix ħaġa faċli – hija deċiżjoni li titlob kuraġġ, stima tiegħek innifsek u konfidenza fik innifsek li taf tieħu deċiżjoni sew. M’hemm l’ebda garanzija li martek/żewġek se jibqa’/tibqa’ tħobbok u inti ċert li jekk iż-żwieġ kellu jfalli, dik tkun esperjenza iebsa ħafna għalik. Imma inti qed timpenja ruħek b’tama, temmen li ż-żwieġ ser jirnexxi, ser tagħmel ħiltek kollha biex iż-żwieġ jirnexxi.

    It-tama hija virtù fundamentali fil-ħajja tan-Nisrani. Ħafna jassoċjaw it-tama ma’ xewqa (“Nispera li jiġri .... nispera li ma jiġrix ...”). Iżda t-tifsira Biblika tat-tama hija dik ta’ ‘stennija b’ċertezza’; hija garanzija sikura quddiem affarijiet mistura u mhux ċari. L-għarajjes Insara jpoġġu t-tama kollha tagħhom f’Alla u ma jkunux diżappuntati fl-għażla li għamlu li jiżżewwġu lil xulxin u fil-wegħda li jgħixu flimkien tul ħajjithom kollha. Dan ma jfissirx li ma jkollomx il-biżgħat u d-dubju tagħhom.

    Biżgħat u Dubji

    Koppja ma’ jistgħux jiddeċiedu li jiżżewu jekk għandhom dubji serji dwar jekk humiex lesti li jqattgħu ħajjithom flimkien. Issa huwa l-mument li jieħdu deċiżjoni dwar jekk hux ser ikomplu fir-relazzjoni tagħhom, bil-ħsieb li jaslu għaż-żwieġ. Iżda anke jekk parti hija mija fil-mija ċerta, jista’ jkun għad hemm sentimenti ta’ biża’, speċjalment quddiem il-ħsieb ta’ mpenn għall-ħajja kollha.

    Dr Scott Stanley isemmi żewġ tipi ta’ biża’ :

    • Biża’ ġenerali – koppja m’għandiex tagħti wisq attenzjoni għal biza’ bħal din. Kull persuna darba jew oħra jgħaddi minnha. Eżempju: ‘se jkollna ħajja feliċi?’, ‘se jkollna tfal?’, ‘se jirnexxielna nżommu l-wegħda tal-impenn tagħna?’
    • Biża’ partikolari – din hi biża’ dwar kemm l-għarus/a tiegħi huwa/hija xieraq/xierqa għalija. Biża’ bħal din trid tiġi ndirizzata qabel ma l-għarajjes jiddeċiedu favur impenn ogħola. Eżempju: ‘jien konvint li rrid niżżewweġ lil din il-persuna?’, ‘jien inħossni komda/u miegħu/magħha?’, ‘inħobbu/inħobbha biżżejjed li lest/a ngħaddi ħajti kollha miegħu/magħha?’ Din il-persuna ttini sigurtá, trankwilitá u ċertezza tal-qalb u tal-moħħ?

    Nimpenja ruħi mieħek jew le?

    F’dan l-istadju tat-tħejjija, l-għarajjes għandhom jiffaċċjaw l-isfida li jieħdu deċiżjoni ferma dwar jekk humiex lesti jidħlu għall-impenn taż-żwieġ jew le. Iridu jikkunsidraw sew jekk id-deċiżjoni tagħhom hix mibnija fuq xkiel jew dedikazzjoni.

    Eżempji ta’ mpenn mibni ta’ bilfors għax m’għandix għażla oħra:

    • Konsiderazzjonijiet finanzjarji;
    • Għar-raġuni li diġa għandna tfal qabel ma żżewwiġna;
    • Pressjoni soċjali u familjari;
    • Biża’ li ma jkolli qatt ċans ieħor għal relazzjoni oħra;
    • Bżonn ta’ sigurtà.

    Mhuwiex għaqli li nibqgħu flimkien biss għal raġunijiet ta’ xkiel. Il-koppja għandna tingħata parir siewi li jirrikunsidraw jekk għandhomx ikomplu fir-relazzjoni tagħhom jekk jaħsbu li r-relazzjoni taghom hija mibnija fuq dawn ir-raġunijiet jew oħrajn simili.

    Eżempji ta’ mpenn mibni fuq id-dedikazzjoni:

    • Li jindukraw u jtejbu l-kwalitá tar-relazzjoni tagħhom;
    • Għall-benefiċċju u benesseri tagħhom it-tnejn;
    • B’rabta ma’ miri personali (“Insib il-milja ta’ ħajti u tal-ferħ tiegħi meta nkun miegħek.”)

    Dawn l-istrateġiji jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex il-koppja għarajjes isaħħu l-impenn tagħhom:

    • Oħloq stqarrija ta’ mpenn u fiha nkludi l-iskop u l-mira tagħkom għaż-żwieġ. Il-koppja għandha tinkludi r-regoli u l-limiti li se jgħinu biex isaħħu ż-żwieġ tagħhom u jżommuh sikur.
    • Ilqa’ lil għarus/a kuljum personalment u fiżikament – kulħadd iħobb tgħannieqa u bewsa. Dawn iservu biex isaħħu l-impenn tal-koppja.
    • Tkellem mal-għarus/a dwar it-tamiet, ħolm, piżijiet, eċċ, li għaddej/ja minnhom f’ħajtek. Dan isaħħaħ l-impenn tar-relazzjoni tagħkom fil-preżent.
    • Kunu l-aqwa ħbieb ta’ xulxin – il-ħbiberija hija mpenn minnha nfisha.
    • Aqsmu memorji flimkien (tkellmu dwar kif iltqajtu u x’kienu r-raġunijiet li wasslu biex tikber l-imħabba bejnietkom). Agħmlu affarijiet speċjali flimkien, speċjalment dik l-attivitá li tibni u tonora d-drawwiet tal-familja. Memorji u drawwiet huma mportanti biex nibnu sens u sinifikat fiż-żwieġ tagħna.
    • Agħmlu ġesti ta’ mħabba u ġesti mill-qalb lil xulxin.
    • Agħmlu l-mument intimu wieħed posittiv li jqarribkom lejn xulxin – din hija l-espressjoni aħħarija ta’ mpenn u għandha tkun ħin speċjali li l-koppja tfittex b’ħerqa.

    Ħin flimkien

    Sinjal ċar ta’ mpenn huwa li nqattgħu tul ta’ ħin ta’ kwalita’ flimkien. Dan ma jseħħx b’kumbinazzjoni, iżda trid tippjanah inti. Kun ċert li ma jkunx xi ħaġa ta’ rutina. Ħin fit-tul ta’ kwalitá huwa rrakkomandat għall-ġid tar-relazzjoni. Dan iżomm l-imħabba tagħna ħajja, friska, sabiħa u romantika. Xi modi kif tista’ ssib ħin flimikien huma:

    • Ta’ kuljum:
      • Iltaqgħu u tkellmu ta’ kuljum;
      • Agħżel l-aħjar ħin tal-ġurnata;
      • Oħloq drawwiet ġodda u tajba.
    • Ta’ kull ġimgħa:
      • Agħmlu ‘date’ jew appuntament ma’ xulxin fil-ġimgħa;
      • Ippjana u mmarka ħin fid-djarju għalikom biss;
      • Agħti prioritá lil dan il-ħin, fuq kull ħidma oħra;
      • Ħares dan il-ħin minn kull tfixkil (ħbieb, familja, tfal, telefown, eċċ.).
    • Ta’ kull sena:
      • Ġeddu ż-żwieġ tagħkom ta’ kull sena;
      • Ħudu vakanza tajba flimkien.

    Dawn is-suġġerimenti jgħinu biex iżommu l-fjamma ta’ bejnietkom taqbad u jagħtu l-ħajja liż-żwieġ tagħkom. Iddiskutu kif se ssibu u tqattgħu ħin iddedikat biss għalikom bħala koppja fuq bażi ta’ kuljum, kull ġimgħa u kull sena. Ikteb il-pjan tiegħek.

    Żwieġ ċivili jew żwieġ sagramentali?

    Huwa pass kbir li koppja għarajjes jiddeċiedu li jidħlu għall-impenn taż-żwieġ. Iżda bħala Nsara, fid-dawl tal-mixja personali li nagħmlu fil-fidi tagħna, aħna msejħa biex nagħmlu għażla oħra: nixtiequ verament li niżżewġu bil-Knisja? Aħna lesti li nistiednu lil Alla jkun preżenti fiż-żwieġ tagħna? Aħna lesti li nżommu t-tagħlim ta’ Ġesu u tal-Knisja fejn jittratta żwieġ u familja?
    Tweġiba ‘Iva’ għal dawn il-mistoqsijiet tpoġġina f’livell ogħla ta’ mpenn. Il-miżżewġin iridu kuljum jimpenjaw ruħhom lejn il-maħbub/a tagħhom biex flimkien jibnu l-ħajja taż-żwieġ tagħhom fuq il-mudell tal-ħajja ta’ Ġesu’ permezz ta’ dawn il-fatturi:

    • Spirtu ta’ servizz lejn xulxin, lejn il-familji rispettivi u lejn is-soċjeta’ in ġenerali;
    • Attitiduni u mġieba xierqa lejn xulxin, lejn uliedhom, eċċ.;
    • Il-valur tat-tbatija;
    • L-importanza tal-maħfra.

     
    Ħsieb: Il-fatt li nabbanduna lill-uliedi bħala soluzzjoni għal problemi li għandi magħhom stess, mhix ħaġa li qatt nikkunsidra. Allura kif nasal biex nagħmel hekk lil żewġi/marti?








comments powered byDisqus