• Laqgħa 3 - Konflitti u Kif Insolvuhom

  • X’jiġri meta jinqala konflitt f’relazzjoni? – Fil-ħajja miżżewġa, il-konflitti huma inevitabbli. Uħud ikunu żgħar, oħrajn jistgħu jkunu kumplessi u ntensi. Jistgħu jiġu riżolti, inkella jibqgħu jiġu mġebbda (dan ifisser li qatt ma jkunu riżolti, minkejja l-isforzi tal-koppja). Sfortunatament, skond John Gottman, 69% tal-konflitti fiż-żwieġ jaqgħu f’din l-aħħar kategorija.  Huwa għalhekk importanti li nirrikonoxxu dan it-tip ta’ konflitt u kif se nġibu ruħna quddiemu, billi niżviluppaw strateġija u rutina aċċettabbli għaż-żewġ naħat tal-koppja.

    Kif se niżviluppaw ħiliet biex nirriżolvu konflitt? Kif se ntejbu l-ħiliet tagħna biex nirriżolvu konflitti b’mod li ma nitilfux ta’ ħbiberija u l-imħabba ta’ bejnietna?

    Il-Maħfra: din hija deċiżjoni konxja. Hija għażla u mhux sentiment. L-uġiegħ jista’ jibqa’ imma dak jista’ jiġi ttrattat aktar tard. Il-maħfra m’hijiex għażla ħafifa, iżda aħna l-Insara għandna l-aqwa eżempju ta’ kull żmien: Ġesu’ Kristu.

    Il-bozza l-ħamra – affarijiet li l-koppja m’għanda taċċetta qatt fir-relazzjoni ta’ bejn xulxin.
     
    Tajjeb li qabel xejn nagħrfu x’tip ta’ personalità aħna; jekk hux dik tar-Rinoċeronte jew tal-Qanfud.

    Ir-rinoċeronte huwa annimal ta’ tempra qasira u minħabba f’hekk huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-aktar annimali perikolużi. Ir-rinoċeronte uman huwa dak li jirrabja mix-xejn u li jesprimi r-rabja tiegħu immedjatament, kultant anki b’mod esplossiv. Min-naħa l-orħa, il-qanfud huwa annimal kwiet u mistħi, li mal-ewwel sinjal ta’ periklu jirrombla lilu nnifsu f’ballun tax-xewk. Il-qanfud uman huwa dak li jżomm ir-rabja u r-riżentiment ġo fih. Mhuwiex kapaċi jesprimi s-sentimenti tiegħu, u b’konsegwenza jmur dejjem fuq id-difensiva.

    Liema annimal minn dawn it-tnejn tixbah? Inti rinoċeronte jew qanfud? L-atteġġjamenti kemm ta’ wieħed kif ukoll tal-ieħor huma żbaljati u jridu jiġu ndirizzati biex ir-relazzjoni bejn koppja tmur għall-aħjar. Ir-rinoċeronte u l-qanfud huma ż-żewġ estremi u ġeneralment kull wieħed u waħda minna jaqa’ xi mkien fin-nofs.

    Tajjeb li l-koppja tgħaddu ftit ħin tiddiskuti din il-mistoqsija, fid-dawl ta’ sitwazzjonijiet prattiċi mill-ħajja ta’ kuljum, bħal dawn:
    Kif iġġib ruħek meta xi ħadd:

    • idejqek;
    • ma jieqafx jeqred;
    • jitliflek il-paċenzja;
    • huwa kalm ħafna.

    X’jiġri meta jinqala’ konflitt f’relazzjoni?

    Kull persuna għandha x-xewqat, il-bżonnijiet, l-aspettazzjonijiet u l-miri tagħha. Kull meta dawn ikunu differenti minn tal-għarus/a, jista’ jinqala konflitt. Mhuwiex il-konflitt per se li huwa l-problema; anzi konflitt jista’ jwassal biex il-koppja tikber fir-relazzjoni. Hija r-reazzjoni għall-konflitt li ġeneralment tagħmel il-ħsara lir-relazzjoni. Ħafna koppji jittrattaw il-konflitti tagħhom b'mod mhux xieraq u b’hekk jipperkolaw iż-żwieġ tagħhom. Meta konflitt jiġi ttrattat b’mod ħażin, jista’ jwassal biex jinbena riżentiment bejn il-koppja, tant li jista’ jwassal għall-kollass totali ta’ kull fiduċja f’xulxin.

    Reazzjonijiet għal konflitt huma:

    • Rabja (Tinġema maż-żmien. Sentimenti ta’ rabja, speċjalment jekk jinżammu mistura, jikbru u joktru).
    • Biża’ (Minn dak li jista’ jiġri).
    • Frustrazzjoni (Għax mhux qed insib fl-għarus/a dak li stennejt).
    • Uġiegħ u dispjaċir (Meta l-għarus/a jattakka fuq il-punt emozzjonali dgħajjef tiegħi. Sentimenti u emozzjonijiet huma fraġli).
    • Riżentiment (Ixekkel l-iżvilupp tal-persuna u tal-koppja).
    • Irtirar (Nidħol f’qoxorti u noħloq distanza emozzjonali).

    Meta nġorru dawn is-sentimenti ġo fina fuq medda ta’ żmien, nikkawżaw diffikultajiet fiżiċi u mentali għalina nfusna, kif ukoll għar-relazzjoni. Għal din ir-raġuni huwa mportanti li l-koppja tagħraf kif ittejjeb il-ħiliet ta’ kif nittrattaw konflitt biex b’hekk nirbħu ostakli li jinqalgħu kemm għalina bħala ndividwi kif ukoll flimkien bħala koppja.

    Kif se niżviluppaw ħiliet biex nirriżolvu konflitt?

    • Agħraf x’tip ta’ persuna inti meta ffaċjat b’konflitt – ma’ liema kategorija l-aktar li tassoċja ruħek, mar-rinoċeronte jew mal-qanfud? Jista’ jkun li meta ffaċċjati b’sitwazzjonijiet differenti, dak li jkun ikollu reazzjoni differenti. Eż. Inġibu ruħna ta’ rinoċeronte f’konflitti li jolqtu aktar il-qalb.
    • Stieden l-għarus/a j/tagħmel l-istess.
    • Induna meta jitfaċċaw l-ewwel sinjali ta’ rabja, qabel ma I-argument jikber. Ikun għaqli li f’dak il-mument tieqaf u ma tkomplix.
    • Titfax ħatab fuq in-nar.
    • Sibu ħin kwiet mingħajr interruzzjonijiet biex titkellmu. Ma tirbaħ xejn meta tipprova titkellem dwar konflitt, propju meta qam l-argument. Il-post u l-ħin ta’ meta ser nitkellmu iżda, meta jibirdu l-irjus, iridu jiġu stabbiliti u rispettati.
    • Is-sens komun jgħidilna li mhux għaqli li tiddiskuti kwestjonijiet jaħarqu fuq: stonku vojt; meta inti għajjien/a ħafna; wara l-għaxra ta’ bil-lejl; meta għandek burdata ħażina.
    • Kun apert u onest. Iżżomx lura s-sentimenti tiegħek. Jista’ jkun għaqli li żżommu kuntatt fiżiku (eż. iżżommu jdejn xulxin).
    • Ibqa’ mas-suġġett li dwaru hemm il-kwistjoni. Iddaħħalx suġġetti oħra fih.
    • Tiġġudikax u tikkritikax. Evita għal kollox is-sarkażmu.
    • Evita akkużi bl-‘Inti’. Tesaġerax u tkunx isteriku/a. Tgħajjarx. Ftakar li l-argument mhuwiex fuq il-persuna, iżda fuq l-għemil tagħha.
    • Żomm l-argument privat. Ma tirbaħ xejn meta taqsam argument ma’ nies oħra. Minkejja dan, jekk l-argument jieħu xejra abużiva, ħu ħsieb li tfittex l-għajnuna, idealment minngħand persuni newtrali u kwalifikati.
    • Ipprova wassal għal sitwazzjoni fejn kullħadd jirbaħ. Naslu għal ftehim u naqblu t-tnejn li aħna mar-riżultat li wasalna għalih. Timpikawx ma’ xulxin.
    • Skuża ruħek jekk kont fl-iżball, ammetti. Li tkun ġenwinament iddispjaċut/a huwa l-ewwel stadju biex terġgħu tibdew tibnu l-fudiċja bejnietkom. Ir-ras iebsa ma tgħinx għar-rikonċiljazzjoni.
    • Tgħallem kif taħfer (aktar importanti milli taċċetta l-maħfra).

    Maħfra (“L-imħabba ... ma żżommx f'qalbha għad-deni” I Korintin 13, 5)

    Anki meta tnejn iħobbu ħafna lil xulxin, kultant jaslu biex iweġġgħu lil xulxin. L-għarajjes/miżżewġin għandhom dejjem jitkellmu ma’ xulxin meta xi ħadd minnhom iħossu mweġġgħa mill-parti l-oħra u jitgħallmu kif jitolbu u jirċievu l-maħfra.  Il-maħfra hija waħda mill-aktar forzi qawwija li jfejqu ż-żwieġ. Hija deċiżjoni li ċċedi r-raġun li tħoss li kellek; iċċedi d-dritt li deherlek li inti għandek biex tibqa’ żżomm għall-parti l-oħra. Bil-maħfra nikkanċellaw id-dejn emozzjonali lejn xulxin.
    L-att tal-maħfra huwa azzjoni, proċess – xi ħaġa attiva li konxjament tiddeċiedi li se tagħmel. Il-maħfra mhix ħafifa, lanqas faċli. Hawn taħt qed nipproponu mezzi kif wieħed jasal għall-maħfra u jkomli miexi ‘l quddiem fi żmien diffiċli:

    Il-koppja jippjanaw laqgħa bejnietom biex jiddiskutu l-kwistjoni speċifika relatata mal-maħfra.

    • Jekk il-kwistjoni hija waħda tant importanti li wasslet għal dan id-djalogu, ħu ħsieb li d-djalogu jkun wieħed sew. Agħżel ħin li fih mhux se jkollok interruzzjonijiet. Lesti lilek innifsek biex titkellem b’mod sinċier, b’onestà u rispett. Meta l-ambjent (il-post u l-ħin) li nkunu għażilna jkun wieħed tajjeb, aktar hemm ċans li nitkelllmu sew u nsibu soluzzjoni. 
    Ippjana aġenda ta’ kif se taħdem fuq il-kwistjoni.
    • Identifika l-problema jew l-avveniment li weġġgħek. Tridu taqblu t-tnejn li se tittrattaw il-kwistjoni b’dal mod. Jekk le, stenna għal okkażżjoni aħjar. 
    Esplora b’mod sħiħ it-tħassib u l-uġiegħ relatati mal-kwistjoni.
    • Immira li tiftaħ id-diskussjoni b’mod validu. Timxix hekk sakemm inti, bħala individwu, m’intix immotivat li tisma’ u turi rispett lejn il-lat tal-parti l-oħra. Il-koppja trid tħossha aktar qrib ta’ xulxin wara dan il-pass. 
    Il-parti li offenda titlob il-maħfra.
    • Talba għall-maħfra mhix biss f’postha, iżda wkoll fiha kwalitajiet ta’ fejqan. Bil-maħfra u l-apoloġija nagħtu valur lill-weġgħat li sofriet il-parti l-oħra. Dan jista’ jkun pass diffiċli minħabba s-supervja ta’ dak li jkun. 
    Il-parti offiża taċċetta li tagħti l-maħfra.
    • Il-parti li għandha taħfer turi l-intenzjoni b’mod ċar li qed tagħti l-maħfra, bi qbil li l-parti li offendiet ma’ terġa qatt taqla’ dan il-konflitt f’argumenti futuri. It-tnejn tagħrfu li jista’ jkun li l-parti offiża għadha tħoss l-uġiegħ u l-konsegwenzi tal-azzjoni li ġrat. Minkejja dan ftehemtu li se timxu ‘l quddiem, se taħdmu biex iġġeddu r-relazzjoni u ssewwu l-ħsara. 
    Nimpenjaw ruħna b’mod pożittiv biex nibdlu l-imġieba ripetuta tagħna li wasslet għall-offiża.
    • Jekk offendejt lill-għarus/a tiegħek, ikun għaqli li tpatti għall-aġir tiegħek, speċi ta’ offerta tal-paċi. Dan mhux għax tħossok li għandek tagħti xi ħaġa lill-għarus/a, iżda għax ġenwinament trid turi l-impenn tiegħek li tixtieq li terġgħu taqbdu t-triq it-tajba. Huwa ġest ta’ rieda tajba. 
    Stenna li l-proċess jieħu ż-żmien tiegħu.
    • Dawn il-passi li tkellimna dwarhom iwasslu biex ir-relazzjoni ta’ bejnietkom terġa’ tistabbilizza ruħha. Jikkontribwixxu għal proċess, iżda ma’ jwasslux għal soluzzjoni ħesrem qisu qatt ma kien xejn mill-ewwel. Irid jgħaddi ż-żmien biex wieħed iħossu li fieq.

     
    L-għarajjes għandhom dejjem jimmiraw lejn valuri għola, billi jżommu lil Ġesu bħala l-mudell ideali tagħhom.

    Il-maħfra ma tfissirx li l-uġiegħ ma kien ikkawżat qatt, jew nagħmlu ta’ bir-ruħna li ma jimpurtax dak li ġara. Minkejja dan iżda, xorta waħda tibqa’ wieħed mill-aħjar mezzi biex indewwu l-ġerħiet tagħna u tiftaħ il-possibilta’ biex ir-relazzjoni tikber u tisbieħ.

    Fuq kollox iżda, ma rridux nifhmu li bil-maħfra għandna wkoll nittolleraw l-abbuż.
    Il-bozza l- ħamra – affarijiet li l-koppja m’għanda taċċetta qatt fir-relazzjoni ta’ bejn xulxin.

    • Vjolenza ta’ kull xorta: fiżika, sesswali, emozzjonali, psikoloġika, intellettwali.
    • Addizzjoni u dipendenza (droga, alkohol, logħob tal-ażżrd, internet, eċċ.)
    • Usura
    • Infedeltà
    • Perverżjonijiet sesswali (sħab sesswali oħra, prattiċi sesswali eċċessivi, eċċ.)


    Fejn irrid nasal?

    • li nifhem l-importanza li nilħaq ħiliet tajbin biex bihom nirrisolvi konflitt (mhux biss mal-għarus/a, iżda wkoll mal-familji rispettivi u nies oħra);
    • kif nagħmel dan b’mod effettiv;
    • niddiskuti mal-għarus/a tiegħi u flimkien niżviluppaw aktar kif nistgħu nsibu ftehim għal regoli biex nevitaw konflitt, u kif, jekk konflitt iqum, se nittrattawh u naslu għar-riżoluzzjoni tiegħu;
    • flimkien bħala koppja naqblu fuq il-prinċipju tal-maħfra, li hu wieħed mill-pilastri ta’ relazzjoni serja.







comments powered byDisqus