• Laqgħa 5 - Is-Sesswalità Tagħna

  • Meta koppja għarajjes jibdew jaħsbu għaż-żwieġ, tajjeb li jirriflettu fuq l-esperjenzi u l-aspettazzjonijiet li għandhom dwar is-sesswalità, b’mod matur u responsabbli.

    It-tifsira u l-iskop ta' Alla għall-imħabba sesswali

    Alla ħoloq il-bniedem bħala għaqda ta’ ġisem u ruh. Dan ifisser li ġisem-il bniedem m’huwa qatt ‘xi ħaġa’, iżda xi ħadd li għandu sehem fid-dinjita’ tal-immaġni ta’ Alla.

    Wieħed mill-għanijiet li Alla ħoloq il-bniedem f’għaqda ta’ ġisem u ruh huwa dak li l-bnedmin joħolqu relazzjonijiet ta’ mħabba bejniethom, u b’riżultat jipprokrejaw l-ulied li jkunu kapaċi jagħrfu lil Alla u jħobbuh. 

    Bħala koppji għarajjes u miżżewġin, aħna msejħa biex inħobbu bl-istess mod kif iħobb Alla. Din hija l-marka mnaqqxa fina. Fil-bidu, Adam u Eva ħabbew b’dan il-mod. Qalbhom kienet konformi mal-pjan ta’ Alla, sakemm id-dnub kisser il-purita’ tal-għaqda tagħhom.

    Alla ħoloq il-bniedem bħala raġel u mara

    Alla ħoloq il-maskili u femminili biex jiżvela n-natura spiritwali tagħna u biex nipparteċipaw fil-ħolqien Tiegħu ta’ ħajja ġdida. Il-Knisja tgħallimna li l-imħabba sesswali hija espressjoni profonda tan-natura tagħna f’għaqda ta’ ġisem u ruh, kif aħna maħluqa fl-immaġni ta’ Alla. 
    Is-sesswalità hija t-totalità tal-aspett maskili u femminili, li tmur ferm lil hinn mid-differenzi li naraw fl-organi sesswali. Ir-raġel u l-mara huma maħluqa differenti ħafna minn xulxin. Għalkemm Alla rrivelalna bħala missier, li Hu t-totalità ta’ dak kollu li hu maskili u femminili. Alla huwa sħiħ. Bl-istess mod, Alla fl-għerf infinit tiegħu ħoloq ir-raġel u l-mara kumplimentari għal xulxin. Dan ifisser li r-raġel u l-mara huma dipendenti fuq xulxin biex il-potenzjal sħiħ tagħhom ikun jista’ jiffjorixxi. Minħabba n-natura differenti tagħhom, jistgħu jikkumplimentaw lil xulxin; u għax huma f’ħafna affarijiet oħra simili u l-istess, jistgħu jifhmu lil xulxin.

    Id-differenzi sesswali bejn l-irġiel u n-nisa jistgħu ikunu sors ta’ kunflitt jekk dak li jkun ma jgħarafx dawk id-differenzi u jtihom valur. Huwa tajjeb li nirriflettu fuq dawn id-differenzi, iżda tajjeb niċċaraw li l-kopulazzjoni sesswali hija ħafna aktar minn sempliċi att fiżiku, iżda tinvolvi wkoll l-aktar aspetti intimi u nterni tal-bniedem. Ir-relazzjoni sesswali tal-koppja hija ċ-ċelebrazzjoni aħħarija tar-relazzjoni tagħhom fiż-żwieġ. Ir-relazzjoniji sesswali hija aktar dipendenti fuq l-intimità emozzjonali milli fuq xi teknika sesswali partikulari.

    Is-sess bħala l-lingwaġġ tal-ġisem

    Ir-relazzjoni sesswali m’hijiex aspett separat u distint taż-żwieġ; anzi hija estensjoni tar-relazzjoni sħiħa u espressjoni tal-għaqda u l-intimita’ tal-koppja.

    Jekk il-koppja tgħallmu kif jikkomunikaw sew u regolarment (mhux b’mod superfiċjali ta’ kultant), allura se tkun eħfef għalihom biex jikkomunikaw fuq il-livell sesswali. Meta l-koppja tikkomunika fil-fond u tħoss sens ta’ intimità emozzjonali, l-intimità fiżika għandha tkun sors ta’ anqas problemi fil-futur. 

    Il-lingwaġġ tal-ġisem fl-imħabba sesswali taż-żwieġ jgħid : “Inti l-aktar persuna mportanti f’ħajti; tant inħobbok li nagħti ġismi għalik. Inħobbok kif int, kull aspett tiegħek, tant li rrid li jkolli wild miegħek, li jkun parti sħiħa tagħna t-tnejn flimkien”.

    L-imħabba sesswali hija essenzjali biex iż-żwieġ jimxi sew. Permezz tal-imħabba sesswali, ir-raġel u martu, il-mara u żewġha, jitkellmu bil-lingwaġġ tal-ġisem. Għalhekk il-lingwaġġ sesswali għandu jkun onest u veritier.

    It-tajjeb u l-ħażin fl-imġieba sesswali

    It-tagħlim tal-knisja minn dejjem kien u jibqa’ li l-atta sesswali tal-imħabba - li huwa wieħed mill-ewwel atti li bih il-koppja tikber fl-imħabba – għandu postu biss fiż-żwieġ, fejn l-għotja lil xulxin hija rigal li jingħata b’mod ħieles u b’responsabbiltà. 

    Sfortunatament, il-verità u s-sbuħija tat-tagħlim tal-Knisja fuq is-sesswalità m’humiex wisq magħrufa. Il-Knisja tispjega kif l-att sesswali fiż-żwieġ huwa sabiħ, meta pprattikat skond il-pjan ta’ Alla. Hawnhekk il-Knisja tgħallimna kf nistgħu ngħarfu l-pjan ta’ Alla b’żewġ modi:

    • Billi nosservaw in-natura u lilna nfusna;
    • Permezz tal-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja u fil-ħajja tal-Knisja.

    Il-Bibbja hija ċara ħafna li l-attrazzjoni u s-sentiment sesswali huma tajba; is-sess minnu nnifsu huwa tajjeb, għalkemm xi drabi dak li l-bniedem jagħmel bis-sess jista’ jkun immorali u ta’ ħsara.
    Il-Knisja ttina t-tagħlim tagħha mhux b’piż, iżda bi gwida għall-liġi ta’ Alla. Jekk nagħmlu l-bidla f’qalbna, b’dan it-tagħlim jirnexxielna ngħixu ħajja serena. Jekk qalbna hija konformi ma’ Kristu, inkunu ħielsa mill-liġi li ma tibqax aktar impożizzjoni. Għandna naċċettaw it-tagħlim tal-Knisja mibni fuq il-veritajiet Insara li nsibu fl-Iskrittura Mqaddsa.

    Aktar kmieni tkellimna dwar l-importanza li s-sess għandu jkun veritier. Imma l-fatt li tiżżewweġ ma jfissirx garanzija tal-onestà sesswali. Jekk il-miżżewġin ma jkunux verament qed ifissru dak li qed jagħmlu waqt l-atti sesswali, ikunu diżonesti u allura mhux fidili u leali għall-wegħda taż-żwieġ:

    • Li tħobb mingħajr irbit – dan ifisser li ma tistax timmanipola lill-parti l-oħra billi tuża s-sess bħala premju jew kastig; lanqas li tuża theddid abużiv biex tikkontrolla lill-parti l-oħra fiż-żwieġ bħala persuna. L-imħabba ma tistax tkun sfurzata bilfors.
    • Li tħobb għal kollox – ma tistax tkun emozzjonalment ‘il bogħod minn martek/żewġek imbgħad tippretendi li tgħamel l-att taż-żwieġ. L-imħabba tintegra flimkien il-ġisem, il-moħħ, ir-ruħ u l-qalb.
    • Li tħobb onestament – apparti atti speċifiċi ta’ adulterju, din il-wegħda tfisser li jekk tagħmel użu tal-pornografija, jew tiffantasizza dwar ħaddieħor, waqt li tagħmel is-sess ma’ martek/żewġek, huwa ta’ ħsara kbira rreparabbli għaż-żwieġ.
    • Li tħobb b’mod li tagħti l-ħajja – is-sess, l-ewwel nett, jagħti l-ħajja lill-koppja nfisha. Barra minn hekk, l-att sesswali għandu wkoll l-aspett li jkun miftuħ għall-ħajja ġdida.

    Dawn l-erba’ elementi tal-imħabba, li flimkien jiffurmaw id-dimensjoni unittiva, jagħmlu mill-koppja komunità intima ta’ ħajja u mħabba.

    Il-qofol tal-moralità sesswali nistgħu niġbruh f’żewġ mistoqsijiet : “Jien inħobb lil marti/żewġi kif iħobb Alla, jew le? Qiegħed/qegħda nagħti lili nnifsi mingħajr xkiel, għal kollox, onestament u miftuħ/a għall-ħajja ma’ marti/żewġi, jew le?” Jekk inħarsu lejn Ġesù bħala l-ispirazzjoni tagħna, nistgħu ninbidlu fl-attitidni tagħna lejn is-sesswalità.

    L-imħabba bħala l-għotja tiegħi innifsi lilek

    Ġesù jikxef fina l-kapaċità li għandna ġo fina, bħala bnedmin, tal-imħabba li tingħata. Il-Knisja tgħallimna li nistgħu niskopru d-dinjità vera tagħna u l-kapaċità li għandna biex inħobbu permezz ta’ Ġesù Kristu. Ġesù, fl-imħabba perfetta tiegħu, jurina xi tfisser li tkun totalment uman. L-għotja tiegħi innifsi hija lingwaġġ tal-ġisem mill-aktar importanti. Permezz ta’ dan l-att il-koppja jagħtu lilhom infushom lil xulxin fuq diversi livelli: psikoloġiku, spiritwali u personali. Li tagħti lilek innifsek huwa att għal ħajtek, mingħajr kundizzjonijiet.

    L-att tal-imħabba huwa hekk profond u intimu illi jikxef lir-raġel u lill-mara fid-djufija kollha tagħhom. Għalhekk din l-intimità timplika fiduċja qawwija. Infatti, f’ċirkustanzi fejn m’hemmx fiduċja sħiħa, att sesswali jista’ jkun ta’ ħsara. Il-koppja hija msejħa tagħti merħba lil xulxin, u li t-tnejn li huma jżommu f’moħħhom li żewġek/martek m’huwiex/m’hijiex xi ħaġa li għandek pussess tiegħu/tagħha, imma rigal prezzjuz li jingħata u jiġi rċevut mingħajr riservi. Dan iwitti t-triq għal aspett ieħor: li nkunu miftuħa għall-ħajja. Din hija d-dimensjoni l-oħra tal-imħabba, li tissejjaħ id-dimensjoni prokreattiva.

    Tajjeb li l-għarajjes, fil-mixja tagħhom lejn iż-żwieġ, iżommu jiftakru u jżommu ma’ dawn il-punti:

    • Napprezzaw il-fatt li aħna maħluqa minn Alla li huwa mħabba u li ġisimna huwa xhieda ta’ l-iskop oriġinali fil-pjan Tiegħu.
    • L-għan ta’ Alla huwa dak li jurina x’hinu tajjeb jew ħażin fl-użu ta’ ġisimna.
    • Inkun konxju/a li bħala raġel u mara, jiena msejjaħ/msejħa biex inħobb lil marti/żewġi intimament – b’rispett u sensitività għal xulxin, billi nuża l-lingwaġġ tal-ġisem bħala riflessjoni onesta tas-sentimenti tiegħi, b’mod li nersqu lejn xulxin miftuħa għall-ħajja.
    • Napprezza l-imħabba ta’ żewġi/marti bħala rigal u nifhem li lkoll għandna nħobbu lil xulxin bil-mod kif iħobb Ġesù.







comments powered byDisqus