• Laqgħa 6 - Ġenituri Responsabbli

  • 27 U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu  fuq xbihat Alla ħalqu,  raġel u mara ħalaqhom. 28 U berikhom Alla u qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr ta' l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.”
    Ġenesi 1: 27-28

    Il-bniedem huwa maħluq minn Alla bħala għaqda ta’ ġisem u ruħ, biex b’hekk ikun jista’ jifforma relazzjonijiet ta’ mħabba li minnhom jitnisslu l-ulied li jkunu maħbuba u li jagħrfu lil Alla u jħobbuh. B’dan il-mod il-koppja tissieħeb ma’ Alla u jkunu prokreaturi Miegħu, li hu l-ħallieq, kreatur, ta’ kollox.
     
    Alla, fl-għerf infinit tiegħu, żejjen lill-bniedem bl-intelliġenza, bir-rażan u bil-konsiderazzjoni, li huma mod sempliċi u naturali ta’ kif inkunu ġenituri responsabbli. Bħala Nsara Kattoliċi, irridu nkunu konxji tat-tagħlim tal-Knisja, kif ukoll naċċertaw ruhna li l-motivazzjoni li jkollna l-ulied hija ġejja mir-responsabbiltà tagħna lejn Alla, lejn xulxin, lejn il-familja tagħna u lejn is-soċjetà.

    Xi jsawwar familja?

    L-għoti tal-kunsens u l-konsumazzjoni taż-żwieġ jimmarka l-bidu ta’ familja ġdida. Fit-tiswir ta’ familja ġdida, il-bniedem jassumi wkoll ir-rwol ta’ ġenitur. Aspett bażiku taż-żwieġ Kattoliku huwa dak li jkun prokreattiv. (L-aspetti l-oħra huma l-unità u l-indossbilità. Fil-liġi kanonika (il-liġi tal-Knisja), iż-żwieġ ikun invalidu jekk l-għarajjes jiftehemu minn qabel li ma’ jixtiequx li jkollom tfal. Għal grazzja ta’ Alla, il-parti l-kbira ta’ dawk li jiżżewġu jkunu jixtiequ t-tfal. F’każi fejn ma’ jkunx hemm ulied, ma rridux nifhmu li mhumiex familja jew li ż-żwieġ tagħhom huwa nvalidu. Fil-fatt nafu li madwar 10% tal-koppji jkollhom diffikultà biex ikollhom l-ulied. F’każi bħal dawn il-koppja hija msejħa biex taqdi l-missjoni tagħha b’mod differenti, fosthom permezz tal-fostering jew l-adozzjoni.

    Il-Knisja u l-infertilità
    Estratt mill-Ittra Pastorali “Niċċelebraw il-Ħajja Umana” maħruġa mill-Arċisqof ta’ Malta u l-isqof t’Għawdex fis-26 ta’ Lulju 2012.
    “Skont it-tagħlim tal-Knisja, il-metodi mediċi li jistgħu jintużaw għall-kura tal-infertilità għandhom ikunu mibnija fuq ir-rispett ta’ dawn it-tliet valuri fundamentali:

    a. Il-valur tal-ħajja u l-integrità fiżika ta’ kull bniedem.
    b. Il-valur tal-unità taż-żwieġ.
    ċ. Il-valur tas-sesswalità umana fiż-żwieġ.

    Għaldaqstant, skond it-tagħlim tal-Knisja, kull metodu tekniku li jieħu post l-att konjuġali personali ma jkunx jirrispetta d-dinjità tal-persuna umana u tal-unità taż-żwieġ, u għalhekk ma jistax jiġi aċċettat. Mill-banda l-oħra, jistgħu jkunu aċċettati dawk il-metodi tekniċi li jgħinu l-att konjugali personali biex dan jilħaq l-skop li titnissel ħajja umana.”

    It-tagħlim tal-Knisja, li huwa bbażat fuq il-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ, jispjega li l-att konjugali ta’ bejn il-koppja jinkorpora fih id-dimensjoni unittiva u d-dimensjoni prokreattiva. Għalhekk huwa diffiċli biex il-knisja tapprova mezzi li jifirdu dawn iż-żewġ dimensjonijiet.

    Il-Knisja tifhem it-tbatija ta’ dawk il-koppji li jixtiequ li jkollhom it-tfal, iżda għal xi raġuni jew oħra ma jkollhomx. Il-Knisja tapprova mezzi li jgħinu lill-koppja tilħaq l-għan tagħha, ngħidu aħna in-Napro Technology (Natural Procreative Technology), sakemm dawn ma jifirdux it-tifsira tal-att konjugali. Xi metodi wżati mit-tobba u bioloġisti, għalkemm jistgħu jgħinu lill-koppja tilħaq l-għan tagħha, jinterfjeru fl-att konjugali u jaslu biex dak li kellu l-iskop li jgħaqqad il-koppja ma jintlaħaqx. Huwa fid-dawl ta’ dan li l-Knisja ma taċċettx ċerti metodi u tikkunsidrahom moralment ħżiena. (Ara l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, parag. 2377).

    X’nifhmu meta ngħidu ġenituri responsabbli?

    Meta l-Knisja titkellem dwar ġenituri responsabbli, tkun qed titkellem dwar il-ko-operazzjoni tal-koppja miżżewġa mal-pjan ta’ Alla u dwar id-dritt li l-bniedem għandu li jkun ġenitur b’manjiera responsabbli; dwar li l-koppja tkun miftuħa għall-ħajja u li tieħu deċiżjonijiet responsabbli meta tasal tiddeċiedi kemm se jkollha tfal u kif se tqassam iż-żmien tat-tqala tal-mara. Huwa att ta’ ġenerożità meta l-koppja taċċetta li tipparteċipa fil-prokreazzjoni ta’ ħajja ġdida biex tirrifletti l-imħabba kbira li Alla għandu lejn il-bniedem u li l-koppja qiegħda tpoġġi l-fiduċja sħiħa tagħha f’Alla. Estensjoni attiva mal-fatt li tkun ġenitur responsabbli hu dak li taċċetta u tindokra l-ulied bħala rigal ta’ Alla mill-mument tal-konċepiment ‘il quddiem. Għalhekk huwa rrakkomandat li jew qabel jew wara t-twelid, il-ġenituri jsegwu xi tip ta’ kors dwar il-ħiliet ta’ kif għandek tkun ġenitur tajjeb (parental skills).

    It-Tagħlim tal-Knisja fuq il-Kontraċezzjoni

    Il-kontroll artifiċjali tat-twelid huwa wieħed mill-aktar suġġetti li jqanqal diskussjoni fi ħdan il-Knisja. Meta l-Papa Pawlu Vi ħareġ l-Enċiklika Humanae Vitae f’Lulju tal-1968, qamet agħa kbira, anke fi ħdan il-Knisja stess. Wieħed irid iqis li din l-enċiklika tfaċċat fi żmien meta d-dinja tal-punent kienet qiegħdha tiċċelebra stil ta’ ħajja ta’ mħabba libera (free love) fejn il-kuntest ta’ sess mingħajr xkiel ġie assoċjat mal-emanċipazzjoni tal-mara, fis-sens li l-mara hija sidt ġisimha u tista’ tagħmel dak kollu li trid bih. Kien żmien ukoll meta fis-suq tfaċċat il-pillola kontraċettiva. Il-Papa f’din l-enċiklilka jitkellem sabiħ ħafna fuq l-imħabba tal-bniedem, iżda donnu dan kollu twarrab biex l-attenzjoni waqgħet biss fuq il-fatt li l-Knisja ma taqbilx mal-kontroll artifiċjali tat-twelid.

    Mill-1968 lil hawn, il-Knisja baqgħet tippreżenta dan it-tagħlim b’modi diversi, speċjalment bl-enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II Familiaris Consortio u aktar tard permezz tal-katakeżi tiegħu ukoll dwar l-imħabba tal-bniedem u l-ġisem uman. Filwaqt li t-tagħlim fl-Humanae Vitae jippreżenta l-pożizzjoni li l-kontroll artifiċjali tat-twelid imur kontra n-natura taż-żwieġ, il-Knisja tifhem li l-koppja trid bil-fors tieħu ċerti deċiżjonijiet għall-ġid tar-relazzjoni.

    Il-Knisja tifhem li mhux kull att sesswali se jwassal għat-tnissil ta’ ħajja ġdida, minħabba ċ-ċiklu tal-fertilità tal-mara. Il-Knisja tħalli fir-responsabbiltà tal-koppja kemm iġibu tfal u meta, wara li jkunu ħadu in konsiderazzjoni s-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom, kif ukoll is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom. Il-Knisja tirrakkomanda l-Ippjanar Naturali tal-Familja lill-koppji li jridu jippjanaw il-familja b’mod responsabbli u għaqli, hekk li jekk il-miżżewġin jixtiequ t-tfal ikunu jafu meta għandhom jersqu lejn xulxin, u jekk min-naħa l-oħra ma jixtiequx tfal għalissa, ikunu jafu meta għandhom jastjenu fil-ġranet fertili tal-mara. Dan ifisser li l-miżżewġin għandhom ikunu kreattivi biex jesprimu l-imħabba tagħhom b’modi differenti, għall-ġid tar-relazzjoni tagħhom.

    Għaliex nagħżlu l-Ippjanar Naturali tal-Familja (NFP)?

    Fil-ħajja tal-lum mhix faċli li tħalli kull att sesswali miftuħ għall-ulied. Il-koppja għandha taġixxi b’mod responsabbli u filwaqt li tkun ġeneruża u miftuħa għall-ħajja, tikkunsidra r-realtà tal-lum. L-NFP huwa soluzzjoni tajba għal kif il-koppja tkun ġenitur responsabbli, għaliex:

    • L-ewwel nett għandna nifhmu li l-NFP mhuwiex metodu ta’ kontraċezzjoni, iżda mod ta’ kif tgħix. Huwa metodu li joħloq fil-koppja għarfien dwar il-fertilità. Il-fatt li inti fertili huwa fatt pożittiv, iżda mhux kulħadd jikkunsidraha hekk. Bl-użu tal-NFP tibda wkoll tinnota u tifhem aħjar it-tibdil li jseħħ fil-ġisem tal-mara, tant li tista’ tinduna bi problemi ta’ saħħa jew ta’ mard minn kmieni. Fi żmien fejn aħna tant ikkonċernati dwar is-saħħa tagħna nfusna u fl-ambjent ta’ madwarna, l-NFP jirriafferma b’mod konsistenti s-saħħa tal-mara b’mod naturali.
    • Diversi koppji jinterpretaw l-NFP bħala mezz ieħor ta’ kontroll tat-twelid, mezz li l-Knisja taċċetta. Dan mhux minnu. Hemm differenza fundamentali
      għaliex fl-NFP il-koppja teżerċita kontroll fuqha nfisha u tieħu deċiżjoni responsabbli li tagħmel l-att sesswali f’armonija maċ-ċiklu naturali tal-mara. L-NFP m’huwiex forma oħra ta’ kontraċezzjoni għaliex jitlob perjodi ta’ kontinenza, li jsaħħu l-għaqda tal-koppja fiż-żwieġ. L-astinenza tkabbar l-intimità u żżid fil-passjoni.
    • L-NFP jakkwista s-sagrifiċċju reċiproku bejn ir-raġel u l-mara. L-astinenza perjodika u l-fatt li r-responsabbiltà tal-użu tal-NFP jaqa’ fuq it-tnejn,  jinkoraġġixxi lill-koppja biex tikkomunika aħjar, filwaqt li jgħinhom isibu modi ġodda ta’ kif jesprimu l-imħabba tagħhom għal xulxin. Is-sagrifiċċju m’huwa qatt faċli, imma ħafna koppji jiskopru li permezz ta’ dan il-metodu jżidu fir-rispett kemm lejhom infushom kif ukoll lejn xulxin.

    Il-karriera għandha tikkundizzjona r-relazzjoni tal-koppja miżżewwġa u d-deċiżjoni tagħhom li jkollhom l-ulied u jrabbuhom?

    Meta jkollha l-ulied, il-koppja hija mħeġġa tiddeċiedi kif l-aħjar li trabbihom, filwaqt li jżommu l-prioritajiet ta’ ħajjithom f’perspettiva ċara. Dan jista’ jfisser li, jekk ikun hemm il-ħtieġa,  xi ħadd mill-ġenituri jwaqqaf għal xi żmien il-karriera; inkella l-koppja tiddeċiedi min ikun l-aħjar (nanniet, qraba oħra jew carer tat-tfal) biex jgħinhom fit-trobbija tal-ulied filwaqt li xorta jkolmplu bil-karriera/xogħol tagħhom. Għalhekk huwa mportanti li l-koppja tieqaf, tiddiskuti u tiddeċiedi dwar dak li l-aktar għandu valur fil-ħajja miżżewġa tagħhom.

    Deċiżjoni bħal din timplika li jadottaw stil ta’ ħajja li jistgħu jifilħu għalih. Tfisser ukoll x’tip ta’ valuri u prinċipji jridu jgħaddu lil uliedhom. Din id-deċiżjoni ġġib ukoll mumenti iebsa, speċjalment meta jridu jsibu bilanċ bejn il-familja u x-xogħol. Dan il-bilanċ huwa neċessarju biex kemm jista’ jkun ħadd u xejn ma jsofri.

    Iż-żewġ partijiet fil-koppja għandhom jerfgħu ir-responsabiltà bejniethom li t-trobbija tal-ulied titlob minnhom. Flimkien għandhom jiddeċiedu dwar il-prioritajiet, dwar ir-rutina tal-familja tagħhom, u jirriflettu flimkien fuq dan. Dawn huma ftit suġġerimenti:

    • Li l-miżżewġin jaslu jsolvu sitwazzjonijiet partikolari flimkien – is-sens li naqsmu kollox flimkien huwa mportanti ħafna, speċjalment meta jinqalgħu xi kumplikazzjonijiet inevitabbli.
    • Li l-koppja tgħix skond il-limiti tagħha – id-dejn, speċjalment meta ma jkunx sostenibbli u jkun esaġerat, ipoġġi emfasi distorta fuq il-bżonn li l-koppja trid taħdem b’mod sfrenat biex tlaħħaq mal-pagamenti. Kultant noħolqu stress bla bżonn permezz tax-xewqa għal affarijiet materjali, u ninsew is-sabiħ li nistgħu ingawdu xorta waħda lil xulxin b’affarijiet bi spiża anqas.
    • Li filwaqt li għandna naħdmu qatiegħ u kif mitlub minna fuq il-post tax-xogħol, nevitaw li nieħdu x-xogħol magħna d-dar. B’hekk lura fid-dar, l-attenzjoni sħiħa tagħna tkun fuq il-familja.
    • Il-koppja (u l-familja) iridu jaqsmu flimkien diversi mumenti differenti fil-ħajja ta’ kuljum biex ir-relazzjoni tagħhom tikber u tisbieħ. Mezz sempliċi biex dan iseħħ hu li nagħmlu x-xogħol tad-dar flimkien. Dan jiffrankalna l-ħin filwaqt li nagħtu eżempju sabiħ lil uliedna ta’ kif naqsmu r-responsabiltà fid-dar.
    • Iż-żwieġ għandu jkun protett. Il-miżżewġin (u dan jgħodd ukoll għall-għarajjes f’relazzjoni stabbli) għandhom iżommu għalihom bejnietom biss dak kollu li hu emozzjonali. Li nitkellmu dwar affarijiet tar-relazzjoni ta’ bejnietna ma’ barranin jista’ jkun ta’ ħsara għar-relazzjoni. Dan ma’ jfissirx li jekk ikun hemm il-bżonn ta’ counselling jew parir professjonali, (ta’ counsellor, saċerdot, eċċ...) dawn ma jfittxuħx!
    • Biex naħdmu flimkien bi ftehim, il-koppja għandha tfittex il-parir ta’ xulxin, speċjalment jekk qed tinħoloq diffikultà biex insibu bilanċ bejn ix-xogħol u d-dar. L-ebda sitwazzjoni m’hi rriversibbli. Dak li kien validu l-bieraħ jista’ jkun li jrid jinbidel illum. Għalhekk ikun hemm il-ħtieġa li minn żmien għal żmien nieħdu kont ta’ ċerti sitwazzjonijiet u niddeċiedu b’mod differenti minn qabel. Fil-fatt, huwa mistenni li sitwazzjonijiet ġodda joħolqu l-bżonn ta’ tibdil jew adattament fl-istil u/jew fir-rutina tal-ħajja tal-familja.
    • Li l-familja jkollha mumenti ta’ rikreazzjoni flimkien. F’Ġunju tal-2012, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Familji f’Milan, il-Papa Benedittu XVI qal li meta, bħala familja, nifhmu kif nattwaw mumenti ta’ serħan u rikreazzjoni flimkien, dan jgħin biex nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-familja. Irrakkomanda li l-familji għandhom għallanqas jimpenjaw ruħhom biex iħarsu l-mistrieħ fil-jum tal-Ħadd. Jekk dan mhux possbbli minħabba raġunijiet ta’ xogħol, huwa rrakkomandat li jsibu ħin alternattiv flimkien għall-familja.
    • L-istess bħalma japplika għall-familja, il-ħin għall-koppja weħidha huwa mportanti ħafna. Il-koppja għandhom jiddedikaw ħin għal flimkien, mingħajr l-ulied, biex b’hekk jirriġeneraw u jżommu ħajja l-fjamma tal-imħabba fir-relazzjoni tagħhom.

    It-trobbija ta’ wliedna

    Li tkun ġenitur responsabbli ma jfissirx biss kif se tippjana l-familja. Tfisser ukoll kif il-koppja taħdem flimkien bħala ġenituri, kif iħarsu lejn il-bżonnijiet tal-iżvilupp sħiħ ta’ wliedhom, kif huma preżenti għal uliedhom hekk li jkunu viċin tagħhom, kif jgħinu lil uliedhom kif ikunu responsabbli f’għemilhom u kif jgħaddu l-prinċipji, valuri u twemmin tagħhom fid-dar.

    Nirrakkomandaw għalhekk l-attendenza għal Kors ta’ Ħiliet ta’ Ġenitur (Parenting Skills Course), fejn ħafna punti minn dawn ikunu żviluppati. Koppja għarajjes jistgħu jitkellmu bejniethom u jħarsu lejn kif huma kienu mrobbija, kif kellhom il-bżonnijiet tagħhom milħuqa, x’mudell ta’ ġenituri kellhom u kif il-valuri kienu mwassla lilhom. Meta jkunu miżżewġin, x’jixtiequ jagħmlu simili jew differenti mill-ġenituri tagħhom?








comments powered byDisqus