











Laqgħa 8 - Deċiżjonijiet Finanzjarji Sostenibbli
M’hemm l-ebda formula maġika għall-ippjanar fis-sod tal-finanzi tal-familja. Wieħed irid jikkunsidra diversi aspetti, fosthom id-dħul, il-konsum, l-ispejjeż tad-dar, assikurazzjoni, tfaddil, eċċ. Kull deċiżjoni li nieħdu fuq aspett wieħed għandu ċans kbir li jinfluenza l-aspetti l-oħra, jew parti minnhom.
- L-importanza li nieħdu deċiżjonijiet finanzjarji flimkien bħala koppja.
- L-użu korrett tal-flus.
- Nidħlu jew ma nidħlux f’dejn.
- Kif inqassmu l-finanzi tal-familja.
- Importanti nkunu konxji li d-deċiżjonijiet li nieħdu għandhom iwasslu għal riżultati sostenibbli. Meta nonqsu li nieħdu deċiżjoni, inkunu qed nagħmlu għażla mingħajr ma nkunu ħsibna sew fuqha.
- Importanti nkunu konxji li l-għażla għandha mplikazzjonijiet fuqna bħala ndividwi, bħala koppja, fuq il-persuni ta’ madwarna – kemm tal-lum kif ukoll fil-futur.
- Importanti nkunu konxji li jkollna kull informazzjoni tajba li hemm bżonn, u li nifluha u nevalwawha sew. Jista’ jkun li għal xi deċiżjonijiet finanzjarji mportanti jkollna bżonn nieħdu parir professjonali.
- Nirrealizzaw li hemm ħafna żbalji komuni li nistgħu nagħmlu fosthom: li naqgħu fil-vizzju li nieħdu deċiżoni bl-emozzjoni jew waqt mumenti emozzjonali, li niffukaw wisq fuq il-preżent, li nkunu nfluenzati b’mod eċċessiv minn ħaddieħor, mir-riklamar jew minn dak li naħsbu li qed naraw u nemmnu.
- Importanti li niddiskutu flimkien u ngħarfu nidentifikaw dawk id-deċiżjonijiet li hemm bżonn li nieħdu flimkien bħala koppja.
Riċentament ħadna xi deċiżjonijiet finanzjarji? X’kienu? Kif, bħala koppja, wasalna għal dawk id-deċiżjonijiet? Kif stajna għamilna din id-deċiżjoni b’mod differenti? X’deċiżjonijiet finanzjarji qed jistennewna?
Tajjeb li matul l-għerusija il-koppja tiddiskuti dwar suġġetti bħal dawn, li għada pit-għada jerġgħu jitfaċċaw fil-ħajja miżżewġa :- Għandna bżonn/irridu nibdew xogħol/attivita’ part time biex inlalaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum?
- Għandna bżonn/irridu nieħdu vakanza? Insiefru?
- Għandna bżonn/irridu nibdlu d-dar?
Il-Grid tad-deċiżjoni
Dan l-eżerċizzju jipprovdi metodu biex ngħamlu analiżi ta’ diversi aspetti relatati u naslu għal deċiżjoni aħjar. Liema huma d-deċiżjonijiet li qed jistennewna?- L-ewwel agħmlu lista tal-għażliet li għandkom (dak li se tiddeċiedu dwaru)
- It-tieni, agħmlu lista tad-diversi aspetti (dak li għandkom bżonn minn din id-deċiżjoni)
- Fl-aħħar, agħti l-punti tal-għażliet skond l-aspetti (1 ikun l-anqas punt, 5 l-ogħla). Għodd u ara liema ġab l-aktar punti, imbgħad ...
- IDDISKUTU
- Liema huma l-għażliet li għandna? Agħmel lista ta’ ħames possibiltajiet (eż. NIXTRU dar bi tliet kmamar tas-sodda, li tkun għall-ħajjitna; NIXTRU flat b’kamra waħda tas-sodda, li jkun temporanju; NIKRU flat bi tliet kmamar tas-sodda, NIKRU flat żgħir, NOQGĦODU mal-ġenituri, eċċ.).
- Liema huma l-kriterji li fuqhom għandna niġġudikaw dawn l-għażliet? X’għandna BŻONN insolvu b’din id-deċiżjoni? Għalfejn qegħdin nagħmlu dan? (eż. Investiment, privatezza, komdu u kbir biżżejjed li nistiednu l-ħbieb f’darna, affordabilta’, kumdita’).
- Agħti l-punti lil kull kriterju skond l-għażla. (Eż. Li nikru flat żgħir jieħu 5 punti fuq affordabilità, iżda jieħu punti anqas fuq investiment; li noqgħodu mal-ġenituri jista’ jġib punti baxxi f’kollox, ħlief fuq affordabilità, eċċ.).
- Liema għażliet ser jaqdu l-aħjar il-bżonnijiet tagħkom?
- Hemm xi ħaġa li ma kkunsidrajniex? Fil-każ erġa’ agħmel l-eżerċizzju u ddiskutu bejnietkom.
Għażliet MAL-ĠENITURI NIKRU POST ŻGĦIR NIKRU POST KOMDU NIXTRU POST ŻGĦIR NIXTRU DAR GĦALL-ĦAJJITNA Kriterji Privatezza Komdu biex nistiednu l-ħbieb Affordabilita’ Investiment Kumdita’ TOTAL
Għoddu t-total u ddiskutu. Din il-grid għandha tkun stampa ċara li turi l-bażi li fuqha qed tieħdu d-deċiżjoni tagħkom.
Lezzjonijiet li nieħdu mill-analiżi tad-deċiżjoni:- Koppji differenti għandhom bżonnijiet u għażliet differenti. Anke ż-żewġ membri fil-koppja stess jista’ jkun ma jaqblux fuq dan. Li tiddeċiedi flimkien hija diffiċli. Iżda li tasal għal kompromess huwa possibli.
- Li tieħu deċiżjoni huwa diffiċli għaliex ikollna quddiemna diversi għażliet; inkunu rridu nissodisfaw diversi bżonnijjiet u għalhekk ikun hemm bżonn li nimxu bi priorità.
- Li tikteb il-prioritajiet jgħin id-diskussjoni u jgħin biex ikollna ħsieb u sentiment organizzat billi nittrattaw ħaġa wara l-oħra b’mod ordnat.
- Kultant dak li tkun qed tħoss li huwa tajjeb, verament ikun hekk. Iżda dan il-proċess jgħinek tifhem għaliex.
- Kultant il-valuri jiġu qabel l-għażliet. U ċerti bżonnijiet huma aktar important minn oħrajn.
L- importanza li nieħdu deċiżjonijiet finanzjarji flimkien bħala koppja
Mhux kull relazzjoni ta’ koppja għandha l-istess dinamika. F’xi koppji ssib li parti minnhom hija aktar dominanti mill-parti l-oħra u li tkun aktar inklinata li tieħu deċiżjonijiet weħidha. Din is-sitwazzjoni m’għandiex tkun inkoraġġita; id-deċiżjonijiet jittieħdu bħala koppja. Fejn jidħlu l-finanzi, jista’ jkollok parti mill-koppja li hi disposta aktar mill-parti l-oħra biex tonfoq aktar; parti tkun tonfoq, il-parti l-oħra tkun tfaddal. Din ukoll hija sitwazzjoni li għandha tkun indirizzata. Il-koppja għandhom mill-anqas darba f’xahar ipoġġu bilqiegħda u jiddiskutu l-finanzi tagħhom. Iridu jsibu bilanċ bejn dak li jaqilgħu u l-ispejjeż li għandhom u jiddiskutu sew dwar kif ser jużaw id-dħul tagħhom bil-għaqal. Il-koppja jridu javdaw lil xulxin dwar id-dħul finanzjarju li għandhom u jiddiskutu bir-reqqa jekk dak li qed jippjanaw li jgħamlu/jixtru jistgħux jaslu għalih.
L- użu korrett tal-flus
Bħal f’kull ħaġa oħra fil-ħajja, l-aħjar triq hija dejjem it-triq tan-nofs; hekk ukoll fil-finanzi. M’huwiex għaqli li tonfoq kollox bla ħsieb sempliċiment għax xi ħaġa għoġbitek. Dejjem għandek tqis jekk dak l-oġġett partikolari hux neċessarju jew dwar kemm se tonfoq biex takkwistah. Ftakar li aktar ma tonfoq, aktar trid taħdem, bil-konsegwenza li jonqos li-ħin tagħkom bħala koppja flimkien. Il-koppja għandha dejjem tħalli ħin fir-rutina ta’ kuljum issedikat għal xulxin. Huwa fatt li għandhom jaħdmu u jistinkaw biex ikollhom għixien diċenti u komdu, imma dan mhux b’eċċess għall-bżonnijiet tagħhom. Huwa mportanti wkoll li jibqa’ biżżejjed flus u ħin biex nieħdu pjaċir flimkien. Għalhekk huwa mportani li nsibu bilanċ sod bejn xogħol, edukazzjoni, attività fid-dar, ħin għall-familja u ħin ta’ divertiment u rilassament.
Ftit prinċipji ħfief ta’ gwida:- Ippjana għall-istabbiilta’ u għal ċirkustanzi personali li jistgħu jinbidlu;
- Ħu deċiżjoni konxja dwar ħajja sostenibbli u affordabbli billi:
- Tagħraf tiddistingwi bejn bżonnijiet u xewqat;
- Tgħallem minn spejjeż li għamilt;
- Aħseb fit-tul għal quddiem, aktar milli sodisfazzjoni immedjat u issa;
- Taħsibx fik innifsek biss.
Nidħlu jew ma nidħlux f’dejn
Illum huwa kważi mpossibbli li tibda’ l-ħajja miżżewġa mingħajr dejn. Iżda hemm dejn, u dejn! Il-koppja għandha toqgħod attenta li tibda’ l-ħajja bl-anqas dejn possibbli. Huwa veru wkoll li fid-dinja tal-lum, il-mezzi tal-media jħajru lill-koppji jkollhom kemm jista’ jkun affarijiet ta’ lussu u dar kbira u sabiħa. Iżda dan m’għandux iħallas il-prezz tar-relazzjoni tagħhom.
Għalhekk il-prinċipji gwida huma:- Ixtri dak kollu li huwa verament neċessarju biex tgħix komdu;
- Tonfoqx aktar milli tista’;
- Tħallix l-offerti jiġru bik, inkella tispiċċa tixtri affarijiet li m’għandekx bżonn verament.
Żewġ proposti li nistgħu nikkunsidraw huwa:- dak li nieħdu xi tip ta’ polza t’assikurazzjoni (fuq il-ħajja, fuq id-dar, medika, eċċ);
- Infaddlu l-flus għal objettiv futur jew f’każ li jinqala’ xi ħaġa mhux mhux mistenni.
Din hija materja li hija għall-koppja biex tara kif l-aħjar tqassam il-baġit tagħha. Idealment il-koppja għandha jkollha fiduċja sħiħa f’xulxin u jkollhom kont bankarju komuni. Meta ż-żewġ partijiet tal-koppja għandhom impjieg bi qliegħ ta’ salarju, hemm għażliet oħra li nistgħu nikkunsidraw:- iwarrbu parti mid-dħul biex jintuża għall-ispejjeż ta’ kuljum, filwaqt li jfaddlu somma fissa għal spejjeż akbar, bħalma hi xi vakanza, karozza ġdida, eċċ.
- iżommu żewġ kontijiet bankarji personali u jiddeċiedu kif se jużaw il-kontijiet (eż. minn kont jieħdu għall-ispejjeż tal-ħajja, u mill-kont l-ieħor iħallsu kontijiet akbar bħal dak tal-elettriku u ilma, eċċ.).
Il-koppja għandha tagħraf dak li jaħdem l-aħjar għaliha u jikkunsidraw il-finanzi tagħhom bħala ġid komuni. Li żżomm id-dħul tiegħek għalik innifsek, anke jekk bi ftehim, ikun l-istess qisek qed tgħid: “ma nafdakx bil-flus tiegħi”. Dan jista’ jwassal ukoll għal forma sottili ta’ egoiżmu. Bl-istess mod kif il-koppja jaqsmu bejnietom ħajjitom u l-intimità tagħhom, hekk ukoll għandhom jaqsmu d-dħul finanzjarju u jafdaw lil xulxin li se jutilizzawh bil-għaqal.
F’ċirkustanza fejn fil-koppja hemm parti waħda biss li għandha d-dħul ta’ paga (eż. parti mill-koppja tibqa’ d-dar biex trabbi l-ulied, perjodu twil ta’ mard mhux mistenni, konvalaxxenza wara xi korriment jew operazzjoni, eċċ.) huwa ferm aktar importanti li l-koppja tiddiskuti u tippjana l-attività finanzjarja tagħha sew.
Kif irrakkomandat minn esperti finanzjarji lokali, bil-għan li ma’ jkunx hemm diffikultajiet finanzjarji li jistgħu jinqalgħu bil-mewt f’daqqa u mhux mistennija ta’ xi parti mill-koppja, jista’ jkun għaqli li l-koppja jkollhom kont bankarju ndividwali għal din l-eventwalità sakemm il-bank ikun jista’ jirrilaxxa l-flus tal-kont konġunt wara li jkunu ġew segwiti l-proċeduri legali f’każ ta’ mewt.
Żomm f’moħħok :
Il-koppja għarajjes għandom jifhmu l-importanza li jmexxu l-finanzi tagħhom bil-għaqal u fuq kollox bħala koppja flimkien. Għandhom ukoll jfhmu li kemm jista’ jkun jibdew ħajjithom bl-anqas dejn possibbli. Dejn qawwi jfisser aktar xogħol u anqas ħin flimkien, b’konsegwenzi nevitabbli fuq ir-relazzjoni. Għadhom ikollhom idea ċara ta’ kif iqassmu d-dħul finanzjarju tal-familja tagħhom u kif jippjanaw baġit sostenibbli.
comments powered byDisqus