• Laqgħa 1 - Insiru Nafu 'l Xulxin

  • Meta ġuvni u tfajla jibdew relazzjoni bis-serjetà, u jibdew iħarsu lejn ħajja flimkien fiż-żwieġ, huwa mportanti li jsiru jafu lil xulxin sew. Infatti, l-ewwel laqgħa fil-kors għat-tħejjija għaż-żwieġ Nisrani, hija ddedikata propju għal dan is-suġġett.

    Minn fejn ġej? L-oriġini u l-istorja tal-familja tiegħi.

    Il-koppja għandha tagħraf l-impatt li kellha fuqhom it-t-trobbija tagħhom, x’jfhmu bi żwieġ u kif dan kollu se jirrelata maż-żwieġ futur tagħhom. Il-koppja għandha tagħraf sa fejn u kif ġew iffurmati l-imġieba u l-aspettazzjonijiet tagħhom mill-familja minn fejn originaw. Huwa mportanti li li l-koppja tiżviluppa aħjar l-għarfien fuq il-ħajja u l-oriġini ta’ xulxin. X’għandha tkun taf il-koppja biex tifhem aħjar fuq xulxin dawk l-aspetti personali tal-passat, tal-preżent u tal-ħsibijiet u ideat għall-futur ?

    1. Rebħiet : Kif kienu murija lilhom l-imħabba u l-affett fil-familja ta’ oriġini tagħhom? Dan kif ifforma l-personalita’ u l-ħajja tiegħek?
    2. Telfiet : Matul it-tfulija, ġieli ngħaddu minn trawmi u mumenti diffiċli. Kellek esperjenzi minn dawn, u jekk iva, x’impatt kellhom fuqek? Kif għaraft tikber minnhom? X’tgħallimt?

    Dan m’huwiex eżerċizzju biex bih nitfgħu xi ħtija fuq xi ħadd. Lanqas m’hu sinjal ta’ żlealta’ lejn il-familji li minnhom ġejja l-koppja. Huwa biss vjaġġ biex bih wieħed jiskopri lilu nnifsu u jaħseb aktar fil-fond kif dan il-passat se jitpoġġa fil-kuntest ta’ din ir-relazzjoni ġdida. L-uniku mezz li wieħed għandu biex jeħles minn tgħabija emozzjonali, hu li jgħaraf dik it-tgħabija x’inhi, jaċċettaha kif inhi, imbgħad ifittex li jasal għall-għeruq tagħha. Jekk it-trawma li wieħed għadu jħoss hija relata ma’ xi ħaġa li hu stess ikun għamel, huwa mportanti li wieħed jgħaraf u jitgħallem kif jaħfer, inkella dak li jkun jibqa’ jagħmel l-iżbalji. Emozzjonijiet negattivi jwasslu għal konsegwenzi negattivi. Għalhekk il-persuna għandha dejjem ikollha dispożizzjoni pożittiva fil-ħsibijiet tagħha biex il-futur ikun isbaħ u aħjar. Fejn l-esperjenza tal-uġiegħ hija fil-fond, wieħed għandu jfittex l-għajnuna (mingħand consellor, saċerdot, eċċ.). Għalkemm l-imħabba tal-għarus/a tista’ tgħin biex wieħed ifieq mill-passat, ikun hemm każi fejn aħjar li dak li jkun ifittex għajnuna professjonali. Jekk hemm xi tilwim, huwa mportanti li wieħed jindirizza din il-materja biex wieħed ikun paċi miegħu nnifsu u mal-familja tiegħu.
     
    Aħna lkoll ulied Alla, u għalhekk Alla jridilna biss l-aħjar.

    Fil-Bibbja Alla jurina kif inhu, min hu u x’jinteressah. Mill-bidu nett Alla, li hu l-imħabba ppersonifikata, jurina li jinteressah ħafna miż-żwieġ u jtina l-pjanta biex fuqha nibnu l-imħabba taż-żwieġ tagħna : passjoni, rieda soda u ferħ. Tlett oqsma li l-koppja għandhom jiskopru f’xulxin u li permezz tagħhom jifmhu aħjar l-imħabba li Alla għandu għal kull persuna. Ix-xena tat-tieġ hija dejjem użata fil-Bibbja biex twassal il-messaġġ li Alla jrid sliem u ferħ fost ir-razza umana. Siltiet mill-Iskrittura bħal Isaija 49, 13-16; Ħoseja 2, 14-20; Ġermija 31, 3-13; u Eżekjel 16, 7-13; juruna li Alla jħobb ‘l Iżrael b’passjoni qawwija! Alla jesprimi din l-imħabba billi juri mpenn u fedelta’ sħiħa u jistenna li Iżrael ikun totalment fidil lura u jkun tiegħu biss. L-imħabba ta’ Alla fil-Bibbja hija espressa f’termini fiżiċi u jinkwieta Alla dwar il-poplu tiegħu. Il-Ktieb tal-Ġenesi b’mod partikulari, jgħidilna li fiż-żwieġ ir-raġel jitlaq il-familja tiegħu u jingħaqad ma’ martu – u permezz tal-għaqda tagħhom isiru ġisem wieħed. Iż-żwieġ mela huwa dik ir-relazzjoni li fiha żewġ persuni jgħixu b’mod sħiħ l-intimità tagħhom ma’ xulxin – intimità psikoloġika, intimità fiżika u intimità spiritwali. Din l-intimità tixbah dik li persuna umana għandha jkollha ma’ Alla. Il-bniedem kien maħluq raġel u mara, fi xbieha ta’ Alla u b’dinjità inerenti li ħadd ma jħassar. Għalhekk l-imħabba tal-koppja hija bħall-imħabba tat-Trinita’ Qaddisa. Iż-żwieġ jibni kommunjoni.

    Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħidilna li “għaliex Alla ħalaq il-bniedem raġel u mara, l-imħabba tagħhom għal xulxin hi xbieha tal-imħabba assoluta li ma tiġi nieqsa qatt ta’ Alla għall-bniedem. Hi ħaġa tajba, tajba ħafna f’għajnejn il-Ħallieq (Ġen 1,31)” – Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika – 1604.

    Insiru nafu lil xulxin

    Alla jafna sew u jħobbna (Salm 139; Ġwanni 10). L-imħabba tiegħu lejna m’għandha l-ebda kundizzjoni. Iż-żwieġ Nisrani jsejjaħ lill-koppja jħobbu lil xulxin bl-istess mod. Iżda biex jinħabbu hekk, jeħtieġ li jkunu jafu lil xulxin intimament. Kull dettal tal-ħajja, kemm passat kif ukoll preżent, jeħtieġ li jkun maqsum ma’ xulxin matul iż-żmien tal-għerusija. Hekk ukoll il-ħolm u l-miri għall-futur. Jeħtieġ li wieħed li ikun onest, ċar u dirett. Jekk jeżistu differenzi bejn il-familji taż-żewġ naħat tal-koppja, jew bejn il-koppja nfushom, bħal ma hu ġid, perċezzjoni ta’ klassi soċjali, livell ta’ edukazzjoni, eċċ, wieħed għandu jirrikonoxxihom. Jekk le, differenzi bħal dawn jistgħu jkunu l-kawża ta’ kunflitt fil-futur. Għalhekk huwa mportanti li wieħed jirrispetta dawn id-differenzi u diverġenzi.

    Meta l-koppja tiddiskuti dawn il-kwistjonijiet f’dan l-istadju tar-relazzjoni tagħhom, ikunu qed iħejju l-ambjent tajjeb biex jiddiskutu materji oħra li se jiltaqgħu magħhom aktar ‘il quddiem, fosthom :
    1. X’inhi l-filosofija ta’ ħajti ?
    2. Liema hu l-mod li bih nesprimi l-emozzjonijiet tiegħi : ir-rgħabja, il-biża, id-dwejjaq, l-affezzjoni ?
    3. X’hemm komuni jew differenti fil-mod kif inħarsu lejn il-ħajja ?
    4. Liema huma dawk il-valuri li jmexxuni meta nasal biex nieħu deċiżjoni ?
    5. X’ifisser iż-żwieġ għalija ?
    6. Naf li l-veru ferħ jiġi biss meta l-persuna tkun f’kommunjoni sħiħa ma ‘ Alla?

    Wieħed mill-pilastri taż-żwieġ huwa s-sens ta’ ħbiberija. Fil-qalba ta’ kull żwieġ ħieni hemm ħbiberija profonda u rispett reċiproku; nieħdu pjaċir fil-kumpanija ta’ xulxin. Għandu jkun hemm imħabba u ammirazzjoni lejn xulxin mhux biss fl-affarijiet il-kbar, iżda anke fl-affarijiet ta’ kulljum. (ara J. Gottmam, “The Seven Principles that Make Marriage Work”). Il-pilastru tal-ħbiberija huwa dak li fuqu jistrieħu l-pilastri l-oħra : imħabba vera u awtentika, fiduċja f’xulxin, u fidi fil-kapaċitajiet ta’ xulxin. Il-koppja trid tkun kapaċi tesprimi l-emozzjonijiet lejn xulxin b’mod onest. Iridu jħobbu lil xulxin kif inhuma, għal dak li huma u mhux għal dak li jistgħu jakkwistaw minn xulxin.

    Aħna ħbieb ma’ Ġesù ? Lesti li nħalluH jakkumpanjana fil-vjaġġ taż-żwieġ tagħna?

    Il-koppja għamlet l-għażla biex tiżżewweġ biż-żwieġ Nisrani. Dan ifisser li huma qed jistiednu lil Alla fiż-żwieġ tagħhom. Għalhekk hemm il-ħtieġa li l-koppja tiddixxerni dwar : Kif qed ngħixu l-fidi tagħna? Aħna veru dixxipli ta’ Ġesù Kristu? Aħna lesti li nagħmlu l-għażliet tagħna skond il-fidi li nħaddnu? Aħna lesti li nrabbu l-ulied li Alla jgħoġbu jtina f’dar u familja Nisranija ? Jekk iva, issa huwa l-waqt li nieħdu deċiżjonijiet importanti għall-futur. Bl-istess mod kif il-ħbiberija bejn il-koppja hija pilastru mportani fiż-żwieġ, hekk ukoll il-ħbiberija ma’ Ġesù ssaħħaħ ir-relazzjoni tal-koppja.

    Il-motivazzjoni u l-miri tagħna bħala koppja.

    Tajjeb li l-koppja għarajjes tirrifletti fuq dawn il-mistoqsijiet :

    • X’tip ta’ raġel miżżewweġ/mara miżżewwġa rrid li nkun?
    • Jista’/tista’ l-għarus/a jgħin/tgħin biex insir dik il-persuna?
    • X’inti lest li tibdel ġo fik? X’intom lesti li tibdlu ġo fikom bħala koppja?
    • Hemm xi ħolm li kellek tiċċaħħad minnhom biex tikkuntenta lill-għarus/a tiegħek?
    • Kif tara li se tkun ħajtek minn hawn u ftit snin oħra?
     
    Aktar ma toqrob id-data taż-żwieġ, tista’ tkun idea tajba li l-koppja jneħħu minn ħajjithom dawk l-elementi jew persuni li jistgħu jfixklu s-sliem tagħhom fil-ħajja miżżewġa – jistgħu jkunu ħbieb li jiġbduhom il-bogħod minn xulxin, ħin eċċessiv iddedikat għal xi passatemp individwali, li jgħarfu jirresistu ndħil żejjed mill-ġenituri, jevitaw parteċipazzjoni f’kull forma ta’ divertiment weħidhom, eċċ. Ħaġa oħra li l-koppja jkollha bżonn tagħmel hi li kontinwament ‘tiżbor’ lil xulxin biex b’hekk isiru persuni aħjar għal xulxin. Dan irid isir b’sensitività u mħabba; li jfejqu lil xulxin minn uġiegħ passat li setgħu ikkawżaw lil xulxin bl-imħabba tagħhom, li jsibu s-sigurtà li seta’ kienet nieqsa fil-passat, eċċ.

    Huwa mportanti li l-koppja żżomm ħajja l-fjamma taż-żwieġ. Dan huwa possibbli meta:

    • l-aspetti pożittivi ta’ kull parti tal-koppja jiġu rrikonoxxuti u diskussi b’mod apert u onest;
    • iżommu r-romantiċiżmu tar-relazzjoni ħaj permezz ta’ ġesti żgħar;
    • billi jkunu mfakkra memorji sbieħ tal-passat;
    • billi jintwera apprezzament għal dak li l-għarus/a jagħmel/tagħmel kuljum.  

    Il-ħsieb li ż-żwieġ tagħna huwa vjaġġ fil-fidi.
    It-tħejjija għaż-żwieġ tibda’ fil-familji li minnhom ħarġu ż-żewġ membri tal-koppja. Idealment din it-tħejjija għandha tkun proċess dejjiemi li jibda’ kmieni fit-tfulija, jestendi matul l-adoloxxenza u jkompli meta wieħed isir adult meta dak li jkun jibda’ jibni relazzjoni bl-intenzjoni ta’ żwieġ. Dawn l-istadji diversi tal-ħajja jiffurmaw l-attitidni tal-persuna lejn iż-żwieġ. Iż-żwieġ Nisrani bħala Sagrament huwa pass ieħor fil-vjaġġ personali tal-fidi u fil-proċess li wieħed jieħu l-wegħda tal-għaqda personali, indossulibbli, fidila u miftuħa għall-ħajja, ikun qed jikkommetti ruħu li se jibda’ miexi fil-passi ta’ Kristu.

    Għaldaqstant, anke għall-fatt li jista’ jkun hemm koppji li ma ħadux formazzjoni kateketika minn meta’ rċivew is-Sagrament tal-Konfermazzjoni bħala parti minn proċess dejjiemi ta’ tħejjija għaż-żwieġ, jista’ jkun neċessarju li nenfazizzaw aktar fuq dawk il-veritajiet Nsara li jistgħu jgħinu biex tinkiseb jew tissaħħaħ il-maturita’ fil-fidi taż-żewġ membri tal-koppja (Familiaris Consortio, 66).

    B’Alla preżenti f’ħajjithom, kollox huwa possibbli għall-koppja. Il-ħolm u l-miri jistgħu jintlaħqu, kultant b’sagrifiċċju kbir. Iżda bħala Nsara, aħna msejħa nġorru s-salib tagħna b’kuraġġ. L’aktar importanti hu li jkollna ħeġġa ġenwina biex nimxu fil-passi ta’ Kristu u biex nistinkaw ħa ngħixu skond il-veritajiet tal-Vanġelu.








comments powered byDisqus