
















































Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Moviment ta' Kana 2015
Il-Moviment ta' Kana laqqgħa l-Laqgħa Ġenerali Annwali tiegħu nhar il-Ġimgħa 10 ta' April 2015. Il-laqgħa għall-membri u s-sostenituri tal-Moviment saret fis-Sala San Ġorġ Preca fl-Istitut Kattoliku l-Furjana, fis-6.30pm. Fit-tmiem, Mons Arċisqof Charles J Scicluna ndirizza lil dawk preżenti.
> Messaġġ mill-President, Dr Arhur Galea Salomone
Messaġġ mill-President, Dr Arhur Galea Salomone
1. Introduzzjoni.
Eċċellenza Reverendissima, Ħbieb,
Grazzi talli lqajtu l-istedina biex tingħaqdu magħna għall-laqgħa annwali ġenerali tal-Moviment Kana.
Grazzi u merħba speċjali lir-Ragħaj Spiritwali l-ġdid tagħna l-Arcisqof Scicluna. F’isem il-Membri kollha tal-Moviment Kana nifraħlek u nawguralek minn qalbi għal ħatra tiegħek bħala Arċisqof Metropolita ta’ Malta u bħala Moviment inwegħduk it-talb u l-koperazzjoni sħiħa tagħna.
Grazzi lil membri kollha għax-xogħol fejjiedi tagħkhom fl-oqsma kollha tal-Moviment: il-koppji mexxeja fil-korisjiet ta’ tħejjija għaż-Żwieġ; il-counsellors; dawk involuti fil-Family Planning, il-Gruppi Familji Nsara; il-mexxejja u l-parteċipanti fil-Jien Magħkhom Dejjem; il-fergħat kollha tal-Moviment. Grazzi mill-qalb.
2. Il-“kustodja” tat-Teżor li hi l-Familja.
F’waħda mill-ewwel indirizzi tiegħu Papa Franġisku tkellem dwar l-obbligu tal-kustodja jew “custodire”.
Kulħadd huwa imsejjaħ biex fil-mixja vokazzjonali tiegħu, tkun xi tkun, jikkustodixxi xi don jew proġett li jafdalu l-Mulej. F’ħajjitna Alla jafdalna teżori, ħafna drabi partikulari, u permezz tas-sejħiet vokazzjonali tagħna, jinkarigana fil-kustodja u tħaddim ta’ dawn it-teżori.
Kull membru tal-Moviment Kana li hu msejjah fil-pastorali tal-familja għandu l-inkarigu tal-kustodja tat-teżor tal-familja kif xtaqaha u kif ħalaqha Alla. Fi żminijiet fejn is-soċjetà qed tipprogetta disinn ieħor ta’ dan it-teżor tal-familja, disinn li jikkuntrasta ma’ dak ikkrejat u definit fil-pjan ta’Alla sa mill-bidu nett tal-Ħolqien u f’soċjetà li bil-ligijiet, bil-lingwaġġ politiku u bl-imġieba qed tagħmel minn kollox biex tiżvaluta it-teżor li tagħna il-Ħallieq, fl-għamla li ddesinajaha Hu, jeħtieg illi nitolbu u naħdmu iżjed fit-tisħiħ taż-żwieġ u l-familja.
L-inkarigu tal-kustodja iġib miegħu id-dover li ngħozzu, nikkuraw, nindukraw, niddefendu, nippropagaw u nevanġelizzaw il-valuri sbieħ taż-żwieġ sagramentali u tal-familja. Alla ma tagħniex dawn it-teżori biex inżommuhom għalina imma biex naqsmuhom mal-oħrajn u l-Moviment ta’ CANA jtina l-mezz u l-opportunità biex dawn it-teżori naqsmuhom mal-oħrajn.
3. Kif għandna nilqgħu għall-isfidi tal-evengelizzazzjoni fid-dinja tal-lum ?
Meta il-Papa Franġisku iltaqa fil-Vġili ta’ Pentekoste sentejn ilu mal-Għaqdiet kattoliċi qasam magħhom ftit ħsibijiet dwar l-isfidi tal-evanġelizzazzjoni. U għall-mistoqsija ta’ kif l-Għaqdiet Kattolici għandhom iwieġbu għall-isfidi tal-evanġelizzazzjoni fid-dinja tal-lum qallhom it-tweġiba jiġborha tlett kelmiet: Kristu, talb u xhieda.
U din it-tweġiba, dawn it-tlett kelmiet, irridu napplikawhom għall-volontarjat tagħna fil-Moviment Kana.
L-ewwel punt; Kristu fis-sens illi l-volontarjat qatt mhu ser iħalli l-frott jekk Kristu mhuwiex ser inpoġġuħ fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. Biex jinbet il-frott bnin mill-Moviment irridu ninsew lilna nfusna biex il-Mulej ikun jista jaħdem permezz tagħna. F’kull qasam tax-xogħol tagħna, fit-tmexxija tal-Moviment, fil-korsijiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ, fil-counselling, ma nistgħux nippretendu li nkunu protagonanisti fil-ħidma tagħna imma strumenti.
Ikun tradiment tal-volontarjat jekk id-disposizzjoni tagħna tkun dik ta’ protagonist u mhux ta’ strumenti. Irridi nċedu l-protaganizmu tagħna biex ikun protagonist il-Mulej. Dan ifisser illi irridu nkunu lesti nwarrbu l-Agenda tagħna biex il-Mulej imexxi l-Agenda tiegħu, bl-għajnuna tagħna. Fil-volontarjat Irridu niddecentralizzaw lilna nfusna biex inpoġġu lil-Kristu fiċ-Ċentru. Dan huwa il-vera spirtu ta’ Kana miġbur fl-istruzzjonijiet tal-Madonna lil-miżżewġin fi-tieġ ta’ Kana. “Għamlu dak kollu li jgħidilkhom Hu”.
It-tieni, it-Talb. Qawwija kemm hi qawwija ir-rieda tagħna biex naħdmu fl-għalqa tal-Mulej, tajbin kemm huma tajbin l-intenzjonijiet tagħna, bil-forzi tagħna ma naslux. Huwa t-talb li għandu jkun il-mutur tal-volontarjat tagħna. Kwalunkwe inizjattiva, tkun xi tkun, tajba kemm hi tajba, li m’għadhiex l-egħruq tagħha fit-talb u li mhijiex imsoqqija bit-talb, tirriskja li titbiel u tinxef jew li tittrassforma ruhha minn pjan tal-Mulej għall-progett tal-bnedmin, min ħidma f’għalqa għammiela tal-Mulej għall-funzjonaliżmu ta’ volontarjat vojt.
It-tielet punt Xhieda. Aħna imsejħin biex nagħtu xhieda mhux billi nimponu, imma billi nipproponu il-mudell ta’ żwieġ dejjiemi bejn raġel u mara waħda u għall-dejjem. Fis-sagrament taż-żwieġ aħna m’aħniex imsejħin għall-imħabba kwalunkwe imma għall-imħabba speċjali. Aħna imsejħin biex permezz tal-imħabba ta’ bejnietna inkunu sinjal tal-imħabba bejn Kristu u l-Knisja. Papa Benedettu fid-Dokument Deus Caritas Est kien qal “Iz-żwieġ ibbażat fuq l-imħabba eslkussiva u definitiva ssir ikona tar-rapport bejn Alla u l-poplu tiegħu.”
L-Imħabba ta’ Kristu għal Knisja hija totali, bla kundizzjoni u dejjiema u għalhekk l-imħabba fi-żwieġ nisrani ma tistax tkun xort’oħra għajr totali, bla kundizzjoni u dejjiema.
Dan il-mudell ta’ mħabba irridu nipproponuh mhux biss bil-fomm u bil-korsijiet ta’ tħejjija biss, imma iżjed u iżjed billi ngħixuh u nirrelevawh lis-soċjetà tal-lum.
Tajjeb ngħidu wkoll illi li tipproponi mudell ta’ relazzjoni, ibbażat fuq it-tagħlim ta’ Kristu, m’għandux ifisser jew jinfthiehem illi qed niġġudikaw jew nonqsu mill-ħniena lil min ma jagħmilx din l-għazla, jew lil min, minħabba ċirkostanzi varji ma jistax jgħix din l-għażla. Pero’ f’soċjetà u f’media li mhux hlief tipproponi disinji u mudelli ta’ familji u relazzjonijiet oħrajn, għandna id-dover nagħtu xhieda u nevanġelizzaw dwar iż-żwieġ u l-familja skont il-Pjan t’Alla.
4. Inizjattiva ġdida ta’ Xhieda.
Wara diskussjoni, talb u dixxerniment u ispirati ukoll mill-ispunt li tagħna Papa Franġisku dwar l-importanza li npoġġu il-Familja Imqaddsa fiċ-ċentru tal-ħidma Pastorali tal-Familija, din is-sena Il-Moviment ser iniehdi inizzjattiva ġdida. Ġew identifikati koppji li ser iżuru familji f’numru ta’ parroċċi b’immaġni tal-Familja Imqaddsa.
Ser tingħad it-talba lil-Familja Imqaddsa li tħejjiet għas-Sinodu tal-Familja. Kull familja ser tingħata kopja tal-immaġi bit-talba lil-Familja Imqaddsa. Barra li ser tinżera id-drawwa tat-talb lil Familja Imqaddsa, fl-istess ħin il-koppji ser ikunu qed jagħmlu forma ta’ “outreach” bl-iskop li jkunu ta’ xhieda u ta’ anke ta’ għajnuna għall-familji li ser iżuru.
Ser nibdew bi Progett Pilota f’żewġ parroċċi u x-xewqa tagħna hija li, bil-kollaborazzjoni tal-kappillani, nwessgħu l-inizjattiva għall-parroċċi kollha. Din l-inizjattiva hija manifestazzjoni konkreta tat-tlett pilastri tal-volontarjat li aċċennajt għalihom qabel, li nitolbu u nħeġġu l-familji għat-talb, li nagħtu xhieda u li npoġġu lil-Kristu fiċ-ċentru tal-familji.
L-immaġni li ser nuzaw hija pittura tas-Seminarista David Borg. Hija rappresentanza tal-familja Mqaddsa, li hija l-mudell tal-familja Nisranija. Kristu, li għazel li jieħu sura ta’ bniedem ġewwa familja, huwa fiċ-ċentru, u hekk għandu jkun f’kull familji Nsara.
Jidhru tlett ilwien – simboli tat-tliet virtujiet teologali: il-fidi (vjola), it-tama (aħdar) u l-imħabba (aħmar). Dawn il-virtuijiet iservu bħala l-pedamenti tal-ħajja tal-familja. Kull virtù huwa mehmuz ma’ membru tal-Familja Mqaddsa biex ikun ta’ ispirazzjoni ta’ kif din il-virtù għandha tingħex. San Ġuzepp hu abbinat mal-virtu` tat-tama, Marija mal-fidi u Ġesu’ huwa l-imħabba nfisha.
Jidher ukoll salib li jimmarka kull dixxiplu ta’ Kristu u li fil-familja jinġarr flimkien. Is-salib huwa parti integrali tal-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art li għandu jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
Jidhru wkoll daqqiet ta’ ċrieki konċentriċi. Bħalma wara li tintefa’ ċagħqa fl-ilma, iċ-ċirku dejjem jikber, hekk ukoll l-imħabba li nircievu fil-familja tkompli tkabbarna u tħeġġiġna nevanġelizzaw. Il-Familja Nisranija, f’għajnejn id-dinja għandha sservi ta’ xhieda għal oħrajn, biex fi kliem Benedittu inkunu verament ikoni ħajjin tal-imħabba bejn Kristu u l-Knisja.
Grazzi.
Messaġġ mid-Direttur, Dun Joseph Mizzi
NIKKOMUNIKAW IL-FAMILJA
Fi żminijiet tal-lum irridu nerġgħu nikkomunikaw is-sbuħija tal-Familja i.e. is-siewi tagħha fil-ġenerazzjonijiet li telgħin.
1. Ma nistgħux neħduha for granted.
2. Il-familja hija teżor – hija rikkezza, mhux istituzzjoni fi kriżi, mhux problema, iżda mixtla ta’ mħabba u ta’ riżorsi.
3. Il-familja hija realtà ħajja li tikber – li tinbidel. Bħal siġra ittellgħa weraq ġodda u twaqqa’ weraq qodma iżda tibqà b’għeruq sodi fl-art.
4. Il-familja hija l-ġuf li tiffurmana – li tedukana – li tibnina
5. Mill-familja aħna nirċievu ħafna għax il-familja tgħallimna ħafna
6. Kollox jgħaddi permezz tal-familja:
• Mhux biss il-lingwaġġ u kif nitkellmu iżda anke l-valuri u r-reliġjon.
• Kif għandna nkunu solidali ma’ xulxin
• Kif nissaportjaw lil xulxin
• Kif ngħixu flimkien minkejja d-differenzi
• Kif niftħu qalbna meta nkunu mweġġgħa u
• Kif naħfru meta nweġġgħu lil xulxin
• Kif nerfgħu il-piż tat-toqol tal-ħajja per eżempju bħal f’każ ta’ mard, ta’ diżabilità, ta’ anzjanità eċċ.
• Kif nibqgħu nipperseveraw anke meta l-affarijiet ikunu jidhru tqal jew diffiċli
• Kif niċċelebraw – nifirħu – nistrieħu flimkien
• Kif nilqgħu – ngħożżu l-ħajja
7. Familji b’dawn il-valuri żgur li ser jibnu / jiffurmaw ċittadini tajba li jkunu ta’ ġid għas-soċjeta’.
8. Ċittadini tajbin tfisser soċjeta’ b’saħħitha......Soċjeta’ b’saħħitha tfisser pajjiż b’saħħtu.
Għalhekk il-Knisja għandha ħafna għal qalbha l-familja għax temmen tassew fil-bniedem. Meta nħarsu l-familja u nikkomunikaw il-familja m’aħniex niddefendu xi ħaġa tradizzjonali, xi ħaġa tal-antik, xi ħaġa li għadda żmienha iżda qed inħarsu ‘l quddiem b’tama li qed naħdmu għal dinja isbaħ u aħjar.
comments powered byDisqus