
















































Iż-Żwieġ u l-Familja
Daħla għal serje ta’ artikli fuq iż-Żwieġ u l-Familja minn Ronnie Gauci
Miniex xi espert la fuq iż-żwieġ u lanqas fuq il-familja. L-unika ħaġa li nista' ngħid hija biss ftit tal-esperjenza, peress li ili miżżewweġ 40 sena. Kellna żewġt itfal, tifel u tifla, li illum huma miżżewġin u għandna tliet neputijiet. Propjament għandna ħamest itfal għax bejn it-tifel u t-tifla tlifna tliet trabi. Marti kienet tkorri mat-tielet xahar tat-tqala. Sena wara li żżewwiġna kellna tifla bla nkwiet ta’ xejn. Imbagħad bdew il-korrimenti ..... biex salvajna lit-tifel marti kellha tagħmel 9 xhur fis-sodda. Kien żmien iebes. Iżda fraħna ... meta wasal it-tifel qawwi u sħiħ! It-tlieta li tlifna huma wkoll uliedna u jiena ċert li se niltaqgħu magħhom meta l-Mulej isejħilna biex immorru ngawduh fl-eternità.
Qed nippreżenta dawn is-serje ta’ artikli b’ċerta biżà ... għaliex kif jgħid il-Malti “It-Tiġrija sal-barkun!” L-istorja taż-żwieġ tagħna għadha ma spiċċatx... u bħala, bnedmin dgħajfa faċli li nagħmlu xi froġa..! Imma jien u marti kuljum nintelqu f’idejn il-Mulej u l-Madonna u dejjem nittamaw fihom biex ikomplu jgħinuna nterrqu l-mixja tagħna lejn il-Ġenna pajjiżna. Interrqu flimkien għax aħna responsabbli ta’ xulxin. Iżżewwiġna biex inqaddsu lil xulxin : dan hu l-qofol tas-sagrament taż-żwieġ wara kollox! Kuljum nitolbu lil Ġesù u lil Marija sabiex ikomplu jgħinuna fil-vokazzjoni u l-missjoni li Alla fdalna f’idejna aktar minn 40 sena ilu.
Dawn mhumiex artikli ta’ tagħlim profond fuq iż-żwieġ. Xejn minn dan. Xtaqt nipproponi dawn l-ideat bħala għajnuna ċkejna lill-għarajjes u lill-miżżewġin ta’ rieda tajba : biex iservi ta’ kuraġġ u bħala dawl żgħir ... fit-taqlib tal-ħajja miżżewġa. Għidt: ‘Ta’ rieda tajba’, għax biex żwieġ jirnexxi, il-koppja trid tabilħaqq temmen li żwieġ verament jista’ jirnexxi ... akkost ta’ kollox. Il-ħajja miżżewġa hija mimlija sfidi ta’ kull tip : sfidi fiżiċi, spiritwali, emozzjonali, morali u naturalment dawk finanzjarji!
Iżda meta l-Ispirtu t’Alla, l-imħabba vera tal-koppja flimkien mal-ispirtu tas-sagrifiċċju u l-għotja totalital-persuna; iż-żwieġ huwa esperjenza tal-ġenn! Huwa vokazzjoni kbira għax fiż-żwieġ jitnisslu u jitrabbew l-ulied, (almenu dan hu l-pjan t’Alla) l-ulied li huma l-persuni li f’idejhom se tkun id-dinja tal-futur. Din hija missjoni nobbli ferm, jekk wieħed jirrifletti ftit fuqha. Hija missjoni ta’ responsabbiltà kbira li wieħed għandu jwettaq bis-serjetà għax il-Mulej għad jitlobna kont tagħna, iżda huma talenti mislufin lilna. It-tfal huma tal-Mulej u jislifhomlna sabiex inkunu kollaboraturi miegħu halli dawn l-ulied jikbru fl-ispirtu tiegħu u b’hekk isiru dejje aktar ersuni maturi denji tas-saltna t’Alla.
Il-koppja bla tfal ukoll għandha missjoni kbira quddiemha għax iż-żwieġ huwa xbieha tal-għaqda ta’Kristu mal-knisja tiegħu. Huma jridu jkunu xhieda tal-imħabba vera u sagramentali ... xhieda li l-imħabba sinċiera hija possibli avolja fost diżappunti u diffikultajiet. Imħabbithom jeħtieġ li tfawwar għal fuq l-oħrajn : qraba, ħbieb, ġirien, xi naqra volontarjat u dawk kollha ta’ madwarhom. Għax imħabbithom ma tiddependix fuq il-fatt li jkollhom it-tfal akkost ta’ kollox. Iva, il-koppja bla tfal għandha valur u missjoni daqs il-koppji bit-tfal. Hekk nemmen .... u hekk hu!
Nixtieq nirringrazzja lil Alla tad-dawl li jtini biex n ikteb u tal-idejat li jnebbaħni bihom. Nirringrazzja lil marti Cynthia tal-paaċenzja li tieħu bija! Grazzi kbira lil ħija Salvu u lill-membri tal-Prayer Group tal-Madonna tat-Triq li jiltaqà kull ġimgħa fin-Naxxar, tas-sapport tagħkom. Grazzi ukoll minn qalbi lil dawk kolllha li għenu biex nikteb.
Awguri mill-qalb lil kull min ser jaqra. Nixtieqlek ħafna paċi u ferħ tal-Mulej.
comments powered byDisqus