
















































Obituary : Paul Attard
Kull meta jmut xi ħadd li ħadem ħerqan għall-Moviment ta’ Kana, bħal Paul Attard, inħoss li temm żmien sabiħ f’ħajti. Bosta minn dawk il-kollaboraturi li llum qed igawdu l-premju ta’ ħajja ta’ dejjem, kienu l-kolonni mhux biss ta’ Kana, imma tal-Knisja u tas-soċjetà. Paul hu eżempju; il-kotra kbira ta’ nies li wrew f’din it-telfa s-sogħba tagħhom huma xhieda ta’ dan.
Lil Paul sirt nafu fi żmien meta beda jaħdem bħala għalliem u f’daqqa rajt fih valuri ewlenin ta’ bniedem imżejjen mhux biss b’inteliġenza, imma anki b’umanità, tjubija, għaqal u fuq kollox fidi fil-Mulej.
Huma dawn il-valuri li flimkien ma’ martu Margaret għamel mill-familja knisja domestika. Dak li bena fil-famila tiegħu ried jaħdem biex permezz ta’ Kana u t-tagħlim jagħti b’ġenerosità lill-familji oħra. Hu għalhekk fil-Moviment sar Segretarju Ġenerali u anki għal għaxar snin editur tar-rivista Familjakana, li tant ħabb.
F’dan iż-żmien rajt ukoll li l-personalità tiegħu kienet tajba għax-xandir u beda bl-inkoraġġiment tiegħi bħala responsabbli jwassal l-ideali tiegħu fix-xandir.
Paul ta kontribut kbir fil-qasam tal-edukazzjoni u niftakar kemm fraħt meta l-Ministru Louis Galea ħatru Segretarju Permanenti, fejn wassal l-esperjenza tiegħu tal-klassi fil-qasam politiku soċjali. Hu kellu sehem kbir fir-riformi li saru fil-qasam tal-edukazzjoni.
Paul kien bniedem of all seasons għaliex il-ħidma u l-interessi tiegħu nfirxu ma’ ħafna oqsma. Kien bniedem li jħobb l-arti u l-mużika, tant li dan l-aħħar kien ferm kuntent jaħdem fil-Fondazzjoni ta’ San Ġwann. Jiena dejjem qist lil Paul a Christian Gentleman, li ħaddem it-talenti mogħtija lilu minn Alla għall-ġid tal-familja tiegħu u tas-soċjetà Maltija. Hu dejjem, flimkien ma’ martu u wliedu, poġġa qabel kollox il-familja bl-ispirtu ta’ Kana u lil Kristu.
Il-Moviment jgħidlu GRAZZI PAUL u nittama li jkollna iktar qlub ġenerużi bħalu.
Mons. Charles G. Vella
comments powered byDisqus