
















































Għarfien dwar il-vjolenza domestika
Mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika
X’inhi il-vjolenza domestika? Forsi meta nisimgħu l-kelma vjolenza malajr naħsbu fil-vjolenza fiżika, peress li din l-aktar li tissemma’ jew li tista’ tidher. Madankollu jeżistu diversi forom ta’ vjolenza domestika li ser jiġu spjegati hawn hekk. Bħala prevenzjoni huwa tajjeb li tkun taf dwarhom b’hekk tkun tista’ tagħraf is-sinjali tagħhom minn kmieni.
Skont l-Att dwar il-Vjolenza Domestika (Kap 481), il-vjolenza domestika tfisser kull att ta’ vjolenza, anki jekk verbali biss, li jsir minn membru domestiku wieħed fuq membru domestiku ieħor u jinkludi kull nuqqas li jikkaġuna ħsara fiżika jew morali lil ħaddieħor.
Bla dubju, l-prevenzjoni hija bżonjuża ħafna f’dawn il-każijiet. Għaldaqstant, kemm jekk tkun esperjenza personali kif ukoll jekk naraw li din qed tiġri lil pesuni ta’ madwarna, tajjeb li nagħrfu s-sinjali ta’ poter u kontroll, u nfittxu l-għajnuna malajr kemm jista’ jkun. Waħda mir-raġunijiet għaliex l-vjolenza domestika tkompli u anki tiżdied bejn l-individwi hi li l-persuni abbużivi spiss jużaw manipulazzjoni li mhux dejjem ikun faċli għall-vittmi biex jagħrfu li qiegħda ssir vjolenza u sfruttament fuqhom.
Qabel ngħaddu għall-forom differenti ta’ vjolenza domestika hu importanti li wieħed jirrealizza li dawn iseħħu mhux biss bejn koppji miżżewġa iżda wkoll bejn kull tip ta’ relazzjoni bejn persuni li jgħixu flimkien, fosthom aħwa jew bejn ġenituri u ulied adulti, kif ukoll waqt l-għerusija.
Il-vjolenza domestika tista’ tkun: fiżika, psikoloġika, sesswali, ekonomika, spiritwali, u anki fastidju (stalking):
• L-abbuż fiżiku hu dak li fiħ l-persuni abbużivi jużaw forza fiżika sabiex iweġġu’ fiżikament u jbeżżgħu lill-vittmi; dan l-abbuż jista’ jirriżulta minn ġrieħi sa mewt.
• L-abbuż psikoloġiku jinkludi intimidazzjoni, tgħajjir, umiljazzjoni, nuqqas ta’ fiduċja fil-persuna, l-ħtija mitfugħa fuq il-vittma intortament u anki tkun mġgħielha tinqata` mill-familja, mill-ħbieb u mis-soċjeta`.
• L-abbuż sesswali, anki bejn il-koppji, iseħħ meta persuna tiġi mġiegħlha sabiex tipparteċipa f’atti sesswali, kontra l-volonta` tagħha, theddid sesswali, prostituzzjoni involontarja, jew inkella tiġi mġiegħlha tara affarijiet pornografiċi, fost oħrajn.
• L-abbuż ekonomiku jinkludi sitwazzjonijiet fejn il-persuna abbużiva twaqqaf lill- vittma milli jkollha impjieg, jew mill-istudju, tillimita r-riżorsi anki dawk essenzjali bħall-ikel, u/jew jittieħdu l-flus jew riżorsi tal-vittma, fosthom anki il-paga.
• L-abbuż spiritwali jseħħ billi l-vittma ma’ titħallhiex tipprattika r-reliġjon li temmen fiha, tiġi redikolata ir-reliġjon tal-persuna kontinwament, kif ukoll nuqqas ta’ għażla fuq it-tagħlim reliġjuż tal-ulied.
• Fastidju (Stalking) isir meta persuna ssegwi lill-vittma, kontra l-volonta` tagħha kull fejn tmur, tibgħat messaġġi fuq it-telefon ċellulari jew siti elettroniċi kontinwament, u anki jsir theddid. Dan jiġri wkoll meta r-relazzjoni tkun intemmet.
Il-persuni abbużivi li jużaw dawn it-tipi ta’ vjolenza msemmija jkunu qed iżommu poter u kontroll fuq il-ħajja tal-vittmi. Hu importanti li wieħed jirrealizza li kull forma ta’ abbuż msemmija f’dan l-artiklu mhiex aċċettabli għall-ebda raġuni. Ġeneralment il-vjolenza domestika ma tieqafx weħidha mingħajr għajnuna professjonali.
Hemm għajnuna professjonali li tista’ tingħata f’każijiet ta’ vjolenza domestika.
Għall-aktar informazzjoni u direzzjoni tista’ ċċempel fuq:
Support Line: 179
Victim Support Malta: 21228333
Taqsima Ħidma Soċjali – Għawdex: 22156630
Women’s Rights Foundation: 79708615
SOAR support group (SJAF): 21808981
comments powered byDisqus