
















































GĦAMMRU U TGĦAMMRU
Dun Karm Mercieca
And they lived happily ever after. Hekk kienu jispiċċaw il-ħrejjef li konna naqraw meta konna żgħar. Wara n-namur, l-għerusija, imbagħad iż-żwieġ … u kif jgħid il-Malti, għammru u tgħammru, jiġifieri, għexu flimkien u kellhom it-tfal.
Imma l-esperjenza turi l-happily ever after mhix daqstant faċli. Ukoll jekk iż-żwieġ jibqa’ sa l-aħħar - sa ma l-mewt tifridna ... faċilment jiġri li r-romantiċiżmu ta’ żmien in-namur u l-ewwel snin taż-żwieġ bħal donnu jibda jiżvinta u l-ħajja miżżewġa ma tibqax daqstant sabiħa u forsi wkoll diżappuntanti.
Mhux l-ewwel darba jiġri li dak li jkun jibda jaħseb jekk fil-fatt kienx għażel u żżewweġ lill-persuna t-tajba u adattata għalih jew għaliha. Iżda fiż-żwieġ mhix biss kwistjoni li tiżżewweġ lill-persuna t-tajba, iżda wkoll, u forsi aktar, li tagħmel l-affarijiet tajbin mal-persuna li tkun iżżewwiġt. Ir-relazzjoni trid tibqa’ tinbena u timmatura sakemm nixjieħu t-tnejn flimkien.
U għalhekk tiġi l-mistoqsija:
X’nista’ nagħmel biex inżomm iż-żwieġ tiegħi sabiħ u feliċi sal-aħħar?
Hawn xi ftit suġġerimenti li forsi jistgħu jgħinu.
1. Ħu ħsieb tiegħek innifsek.
Iż-żwieġ huwa għotja u jimplika li tagħti ħafna. Imma tinsiex li biex ikollok żwieġ hieni trid l-ewwel tkun tajjeb u hieni int. Tgħallem ħu ħsieb tiegħek innifsek u sib ħin għalik innifsek u għall-mistrieħ tiegħek. Inkella tispiċċa xkora nervi u tensjoni u tisparkja mal-iċken ħaġa. (F’dan il-kuntest, jiena nħobb insemmi l-mumenti ta’ talb li fihom il-koppja jew il-persuna tirrilassa u tintelaq fil-Mulej.) Meta tfittex li jkollok ħin għalik, kemm wa]dek kif ukoll bħala koppja, mhuwiex egoiżmu jekk dan tagħmlu biex tkun tista’ tagħti l-aħjar INT lil żewġek / martek u lil uliedek.
2. Fassal strateġija tajba.
Bil-kalma, analizza s-sitwazzjoni u ara x’inhuma d-diffikultajiet / problemi. Imbagħad ippjana kif tista’ titakilja ħaġa wara l-oħra … mhux kollox f’salt … u bil-kalma u bl-imħabba … mhux b’rabja … la għall-oħrajn u lanqas għalik innifsek.
3. Fasslu flimkien pjan finanzjarju tajjeb.
Mhux l-ewwel darba li l-finanzi jkunu kaġun ta’ stress, inkwiet u argumenti fil-ħajja miżżewġa. Deċiżjonijiet għaqlija dwar il-kif għandhom jitħaddmu l-finanzi għandhom jittieħdu flimkien. Ukoll jekk ikun il-każ li jkun hemm kontijiet separati f’xi affarijiet, imma fir-rejaltà għandu jkun hemm but wieħed. Meta wieħed jiġi biex jonfoq, wieħed għandu jżomm f’moħħu d-differenza bejn bżonn (xi ħaġa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha) u dak li rridu (xi ħaġa li mhix essenzjali u li tista’ tkun aptit, kapriċċ jew lussu).
4. Uża kliem mill-inqas u kun pożittiv.
Anqas ma tgħid, anqas tiżbalja. Meta tgħid ħafna, aktar hemm ċans li tispiċċa tkun aggressiv … u wara jiddispjaċik! Jekk tista’ tgħid sentenza waħda, aħjar minn tnejn. It-tonalità tal-vuċi tgħallem ħafna. Ara li l-kliem tgħidu b’imħabba u mhux b’sarkażmu, rabja jew tmaqdir. Kun sinċier u nkoraġġanti. Altru tgħid b’ton aħrax: “Għax int hawn ġew qatt ma tagħmel xejn”, u altru tgħid: “Illum veru għajjejt; tista’ tgħinni ftit qalbi?” Altru tgħid b’ton sarkastiku: “Kif qatt ma tieqaf tgerger!”, u altru tgħid: “Jaqaw għajjejt illum qalbi … f’hiex nista’ ngħinek ħalli tfittex tlesti.”
5. Uża ngwanti tal-ħarir mhux tal-boxing.
Ħadd ma jieħu gost jitlef … imma kultant ikun tajjeb li wieħed jieħu ftit time-out. Aħjar titlef argument milli titlef ħabib. Kultant niġġieldu b’għajnejna magħluqa u ma nibqgħux naraw … u flok nargumentaw u nirraġunaw, nispiċċaw nattakkaw u nweġġgħu lil xulxin. Ikun ħafna aħjar li wieħed jieqaf, jikkalma u meta jiġi l-mument tajjeb jittakilja s-suġġett b’mod oġġettiv; hekk biss tkun tista’ tirbaħ ir-raġuni u mhux l-emozzjoni … anke jekk dan ikun ifisser li wieħed iċedi biċċa biex tinstab l-aħjar triq possibli.
6. Baqgħalna żmien?!
Iva! Hawn qed nitkellmu dwar intimità, anke sesswali. F’mumenti fejn ir-relazzjoni donna bħal tibda tibred, l-intimità anke fiżika tista’ tgħin ħafna biex nersqu lejn xulxin u nħossuna close ta’ xulxin, mhux biss waqt il-mument intimu, imma wkoll fil-kumplament tal-ħajja. L-espressjoni fiżika/sesswali tieħu forom differenti … Ma tibqax ta’ tletin … imma l-imħabba fid-diversi espressjonijiet tagħha m’għandix età. Kultant tkun biżżejjed bewsa … ftit karezzi. L-importanti jkun li wieħed iħossu (anke fiżikament) verament maħbub … li wieħed ikun ifisser ħafna għall-ieħor. Din il-kwalità ta’ espressjoni għandha twassal għal kuntentizza emozjonali, komunikazzjoni aħjar u sens ta’ sigurtà.
7. Idfen (jew aħraq) il-passat.
Li tibqa’ mwaħħal ma’ dak li jkun ġara min jaf kemm ilu … li tibqa’ tiftakar u tfakkar dak li jkun ġara jew ingħad ġimgħat, xhur jew ukoll snin qabel … Dan huwa sabutaġġ li jherri u jimmina r-relazzjoni. Meta jkollok minn dawn il-grudges, flok toqgħod iġġorrhom u tħallihom itaqqluk, iktibhom fuq karta u għamel ftit tal-ħin immormra fuqhom waħdek, bejnek u bejn ruħek. Meta tħossok għajjejt sal-punt li tħossok miżerabli, għid lilek innifsek: Dan kollu għalfejn? … Qed inkisser lili nnifsi u lil ta’ madwari! U aqbad sulfarina u aħraq il-karta li tkun ktibt. U suġġeriment ċkejken: meta xi ħadd iweġġgħek u mingħajr ma tkun trid tiġi f’moħħok l-azzjoni li tkun iċevejt, għid Ġesù Marija fil-pront, għid Ave Marija għal min weġġgħek u aħseb fuq xi ħaġa oħra.
8. Tieħu xejn for granted.
Li taħseb u sserraħ rasek li kollox OK, faċilment iwasslek biex ma tagħtix każ ... u tieħu l-affarijiet for granted. Dak li jiġri jew ġara lil ħaddieħor jista’ jiġri wkoll lilek. Studju li kien sar l-Amerika fl-1993 wera li meta mistoqsija dwar kemm jaħsbu li hija r-rata taż-żwiġijiet li jispiċċaw f’divorzju, ħafna għarajjes wieġbu b’mod korrett: 50 fil-mija ... Iżda, meta ġew mistoqsija kemm jaħsbu li hemm ċans li ż-żwieġ tagħhom jispiċċa f’divorzju, kwazi kollha wieġbu li ma jaħsbux li dan jista’ qatt ikun il-każ. Fil-ħajja jista’ jiġri li naħsbu li kollox sejjer sew u nserrħu rasna u ma nagħmlu xejn. Ir-relazzjoni fiz-żwieġ trid tibqa’ tinħadem u tiġi msaħħa b’mod konxju ... inkella faċli jiġrilek li tinduna bil-problema meta jkun tard wisq.
9. Idfen lis-sieħeb/sieħba tiegħek!
Ħu ftit ħin u immaġinak qed tagħmel id-dikors funebri (tal-funeral) ta’ żewġek / martek … anzi, jekk tiktbu jkun ħafna aħjar. Meta kont nagħmel żjajjar wara l-mewt ta’ xi ħadd, kont nisma’ ħafna diskors ta’ tifħir fuq dak li jkun miet … u billi kont inkun naf kemm lill-ħaj u kemm lill-mejjet … ġieli kont inħossni jien stess imbarazzat għax dak li jingħad wara l-mewt mhux dejjem kien ikun jaqbel ma’ dak li kien jingħad u jsir qabel. Ħafna aktar faċli tapprezza lil xi ħadd jew xi ħaġa wara li titilfu jew titlifha. Meta timrad, tibda tapprezza saħħtek. Meta jmut żewġek tibda tapprezza kemm kien alright. Meta tmut martek tinduna xi tkun tlift. Il-ħsieb tal-funeral jgħinkom tapprezzaw aktar lil xulxin għal dak li intom illum.
10. Ftakar … tista’ tissepara u forsi wkoll tiddivorzja … IMMA tista’ WKOLL tgħażel li tibqa’ tgħix il-ħajja taż-żwieġ … b’dak kollu li ġġib magħha.
Ikun hawn min jibqa’ taħt saqaf wieħed għax jaħseb li ma jkollux triq oħra. Imma fil-ħajja dejjem għandek il-possibiltà tal-għażla … xi ħaġa li forsi llum il-ġurnata, aħna aktar konxji minnha … anke jekk mhux dejjem qed nagħżlu tajjeb. Fil-fatt, meta ż-żminijiet ikunu iebsin, ftakar li jkollok tlett għażliet quddiemek: jew ma tagħmel xejn u tibqa’ mwaħħal f’ħajja miżera; jew tiffaċċja r-rejaltà u tipprova ssalva ż-żwieġ; jew tissepara/tiddivorzja. Għandek il-possibiltà li tagħżel jekk tibqax miżżewweġ jew le … u dik l-għażla trid tagħmilha kuljum … kull filgħodu malli tqum. It-triq għall-kuntentizza hija li tkun taf li m’intix imwaħħal fil-qiegħ … imma li inti persuna li kapaċi tagħżel … u li għandek il-possibiltà li tagħżel li tagħmar u tgħammar … to live happily ever after!
_______________________________________________________________
Sors: http://www.womansday.com/sex-relationships/dating-marriage/10-ways-to-get-your-marriage-back-on-track-116392#ixzz2q1SVYKaH
comments powered byDisqus